Kmieni l-Ġimgħa filgħodu, eluf ta’ nies waslu l-Isla wara l-mixja matul il-lejl ta’ bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira. Din is-sena kienet il-15-il sena infila tal-mixja b’risq Puttinu Cares, u l-parteċipanti komplew jattendu bi ħġarhom għal din il-mixja ta’ karita’ li ssarfet f’iktar minn €80,000 f’donazzjonijiet.
Bħal kull sena, il-maġġor parti tal-folla pparteċipat fil-mixja, iżda jkun hemm min jippreferi mezzi oħra bħal fosthom ġiri jew qdif bir-rota. Matul il-mixja tul il-lejl, il-parteċipanti ngħataw frott u ilma, u mal-wasla tagħhom fid-destinazzjoni aħħarija ngħata anke ċertifikat ta’ parteċipazzjoni.
Il-folla nġabret fil-pjazza tal-Mellieħa fin-12.30am, u minn hemm bdiet il-mixja twila lejn l-Isla fejn ħafna pruvaw mhux biss iwettqu l-mixja, iżda jaslu f’ħin inqas mis-snin ta’ qabel. Kienu bosta dawk li fuq il-midja soċjali tefgħu ir-ritratti tagħhom wara li rnexxielhom iwettqu din il-mixja b’suċċess flimkien ma’ familjari u ħbieb.
Hekk kif il-parteċipanti bdew jaslu l-Isla, l-organizzaturi wkoll provdew trasport b’xejn lura. Il-parteċipanti ġew mitluba jagħtu donazzjoni minima ta’ €10. Madanakollu, waqt il-mixja ġew milquha donazzjonijiet oħra minn dawk preżenti. Iċ-ċifra ta’ €80,000 mistennija tkompli tiżdied hekk kif l-organizzaturi jkomplu jirċievu iktar donazzjonijiet b’risq din il-kawża ġusta u nobbli.
Intant, illejla fuq il-programm Xarabank fuq l-istazzjon nazzjonali, se tkompli l-maratona ġbir ta’ fondi b’risq Puttinu Cares.
Ritratti mtella’ fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Puttinu Cares:
//= $special ?>