L-attakkant Żvediż Zlatan Ibrahimovic wasal fl-Istati Uniti biex jibda l-avventura tiegħu mat-tim ta’ Los Angeles Galaxy. LA Galaxy kienu ħabbru li akkwistaw lil dan il-plejer ġimgħa ilu wara li l-kuntratt ta’ Ibrahimovic ma’ Manchester United kien ġie fi tmiemu.
Il-plejer ta’ 36 sena aċċetta li jibda jirċievi salarju ta’ 16-il elf lira sterlina fil-ġimgħa minflok it-350 elf lira sterlina fil-ġimgħa li kien qed jieħu mingħand Man Utd biex jilgħab mat-tim Amerikan.
Fl-ewwel kummenti tiegħu mal-wasla tiegħu fl-Istati Uniti Ibrahimovic qal “Iddeċidejt li niffirma ma’ Galaxy għaliex naħseb li hu l-aħjar post għalija. Naħseb li għandi ħafna x’nagħti u ngħinhom ħafna. Hu l-aqwa tim fl-Istati Uniti u ma kienx hemm dubji.”
Matul il-karriera tiegħu, Ibrahimovic rebaħ il-kampjonat f’erba’ pajjiżi differenti. Hu ħalla lill-klabb Żvediż Malmo biex ingħaqad ma’ Ajax fl-2001. Minn hemm hu lagħab ma’ Juventus, Inter, Barcelona, Milan u Paris Saint Germain qabel ma’ ngħaqad ma’ Manchester United fl-2016.
Fl-ewwel staġun tiegħu ma’ Man Utd skurja diversi gowls u rebaħ tliet unuri imma f’April ta’ sena ilu kien weġġa’ serjament irkopptu u kellu jkun operat.
Hu dam diversi xhur biex irkupra u kien biss lejn tmiem is-sena li għaddiet li rritorna għal logħob imma fil-bidu ta’ Jannar reġa’ weġġa’ u wara diskussjonijiet li kellu mal-klabb iddeċieda li jmur jilgħab fl-Istati Uniti.
Ibrahimovic qal li LA Galaxy se jkunu l-aħħar klabb li jilgħab miegħu qabel jirtira mill-futbol.
//= $special ?>