Lokali

Koppja teħlisha ħafif wara li l-karozza tagħhom tinħakem min-nar waqt is-sewqan

Koppja tista’ tgħoddha b’waħda hekk kif il-vettura li kienu fiha nħakmet min-nar u nqerdet għalkollox f’inċident li seħħ ftit qabel it-tlieta ta’ waranofsinhar.

Il-vettura kienet qed tinstaq mix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex lejn Misraħ Ġuże’ Ellul Mercer meta deher ħiereġ duħħan minn quddiem tal-vettura. Ix-xufier saq il-karozza lejn il-ġenb tal-ġnien tal-Imsida fil-ħin qabel il-vettura nħakmet min-nar.

Immedjatament malli seħħ il-każ, mill-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida, li tinsab ftit bogħod, ħarġu uffiċjali stazzjonati fil-post b’numru ta’ fire extinguishers iżda ma setgħux ilaħħqu man-nar li beda jinfirex malajr.

Fil-post waslu wkoll uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li neħħew kull periklu filwaqt li neħħew ukoll nugrufun u likwidu li ħareġ mill-vettura biex jevitaw xi inċidenti oħra.