Lokali

FILMAT: It-Tifkira Solenni tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej

Il-Knisja f’Malta ngħaqdet mal-kumplament tal-Knisja Kattolika biex fakkret il-passjoni u l-mewt tal-fundatur tagħha Ġesù Kristu.

Fit-3.30 ta’ waranofsinhar, saret it-Tifkira Solenni tal-Mewt tal-Mulej b’ċelebrazzjoni mmexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Ta’ min jinnota li matul din iċ-ċelebrazzjoni ma jintużawx strumenti ta’ mużika iżda kant bil-vuċijiet biss. Il-mumenti ta’ skiet, fid-dħul u waqt li ċ-ċelebranti jimteddu mal-art, qabel ir-Rakkont tal-Passjoni, bejn talba u oħra, waqt il-wasla tas-Salib għall-Adorazzjoni, waqt l-armar tal-artal u waqt li jitwassal Ġesù Ewkaristija u fil-ħruġ, huma mezzi ta’ talb u riflessjoni.

Fil-jum ta’ qabel, Ħamis ix-Xirka, saret it-tifkira solenni tal-Aħħar Ikla tal-Mulej. Il-Knisja dakinhar tfakkar it-twaqqif tal-Ewkaristija. Matul din iċ-ċelebrazzjoni jsir ukoll il-ħasil tar-riġlejn.

Din is-sena, waqt din it-tifkira, l-Arċisqof Scicluna xtaq li jaħsel riġlejh ta’ tfal, adolexxenti u żgħażagħ minn realtajiet differenti. Dan fil-kuntest tal-laqgħat li l-Arċisqof qed jagħmel bi tħejjija għas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-żgħażagħ imsejjaħ mill-Papa Franġisku, li se jsir f’Ottubru li ġej fil-Vatikan.