Lokali

Maria Efimova qed tibża’ li jekk tiġi estradita lejn Malta ħajjitha tkun fil-periklu – Alexandros Papasteriopoulos

Il-whistleblower Maria Efimova tibża’ li jekk tiġi estradita lejn Malta, ħajjitha tkun f’periklu.

Iddikjara dan l-avukat Grieg Alexandros Papasteriopoulos ma’ Reuters li qed jirrappreżenta lil Efimova, li tinsab taħt arrest f’ħabs ta’ sigurtà massima fil-Greċja minħabba mandat t’arrest maħruġ minn pajjiżna.ż

L-avukat iddikjara li hi tat ruha b’idejha wara li rċeviet messaġġ li jgħid: “Għandek tipproteġi lilek innifsek.”

Efimova kienet taħdem Pilatus Bank meta kienet qalet lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li rat dokumenti li jikkonfermaw li l-kumpanija Egrant hija ta’ Michelle Muscat, il-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-ġurnalista li f’Ottubru nqatlet b’karozza bomba kienet allegat ukoll li fil-kumpanija Egrant daħlu mal-miljun dollaru mill-Ażerbajġan.

L-avukat tagħha Papasteriopoulos ddikjara li qaltlu li f’Malta qatt ma jista’ jkollha smiegħ xieraq u tibża’ għal ħajjitha.

Id-dikjarazzjoni tiegħu tibni fuq dikjarazzjoni simili li għamlet l-MEP Soċjalista Ana Gomes fl-aħħar jiem fejn appellat lill-Prim Ministru Tsipras sabiex jagħti protessjoni lil Efimova.