Lokali

Purċissjoni b’differenza fil-Birgu

Bħal kull sena, fil-Birgu saret il-purċisjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, iżda dis-sena b’differenza. Dan hekk kif għall-ewwel darba l-purċissjoni bdiet b’parata bis-suldati Rumani mmexxija minn ħames membri tal-iscouts tal-Ħamrun.

Parata li tieħu ftit minuti iżda li l-preparazzjonijiet għaliha jieħdu l-ġimgħat u x-xhur.

Din il-parata, li hija simbolu ta’ meta ġie arrestat Kristu, tinvolvi numri ta’ preparamenti kemm mill-organizzatur kif ukoll mill-protagonisti tagħha.

L-organizzatur, Charles Attard,  uża d-dar privata tiegħu għall-preparazzjonijiet tal-parata bl-għajnuna ta’ numru ta’ voluntiera ta’ kull età lesti biex jilbsu lbies tar-Rumani.

Waqt il-preparamenti, wieħed setà jinnota l-eċitament u t-tensjoni fost il-parteċipanti bit-tama li dak li kienu ilhom jippreparaw għalih imur b’wiċċ il-ġid.

Il-parata waslet fi tmiemha hekk kif iċ-Ċenturjun ħabbat fuq il-bieb tal-paroċċa ta’ San Lawrenz.

B’hekk is-suldati ngħaqdu mal-kumplament tal-purċissjoni li bdiet triqta madwar it-toroq tal-Birgu.

Sadanittant qed isir esperiment fejn għall-ewwel darba toroq fil-Birgu mtlew kollha xemgħat minn fejn il-purċissjoni se tgħaddi.

Ritratti: Matthew Tabone / Timo Turpeinen