Minn tmiem l-Aħħar Ċena sat-tokki tal-Glorja fil-Vġili tal-Għid, Ġesù fl-Ewkaristija ma jibqax fiċ-ċentru ta’ ħajjet in-Nisrani. Minflok, iċ-ċentru jittieħed mis-Salib Imqaddes, li fil-Funzjoni tal-Ġimgħa waranofsinhar, ikun ippreżentat għall-qima tan-Nisrani.
Hekk spjega lil NET News Fr Noel Vassallo, il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Ħ’Attard, dwar għaliex Ġesù Ewkaristija jitqiegħed fl-Artal tar-Ripożizzjoni minflok fit-Tabernaklu fiċ-ċentru tat-Tempju fejn, matul il-kumplament tas-sena, imdorrijin insibuh.
Min-naħa l-oħra, kompla Fr Noel, is-Salib Imqaddes għandu jkun dak li jiggwida lin-Nisrani f’dawn il-jiem ta’ qima.
NET News tratta dan is-suġġett mal-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Ħ’Attard, hekk kif huma eluf f’pajjiżna dawk li matul il-lejla ta’ Ħamis ix-Xirka u l-għodwa tal-Ġimgħa l-Kbira jżuru l-Knejjes biex jaduraw lil Ġesù Ewkaristija fl-Artal tar-Ripożizzjoni. Madankollu, sfortunatament, mhux kulħadd hu konxju tal-veru sinifikat ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.
Għal dawn il-jiem, l-Artal tar-Ripożizzjoni, jew kif jirreferi għalih kulħadd is-Sepulkru, ikollu quddiemu numru ta’ xemgħat u fjuri, taħt mant, xhieda tad-devozzjoni u l-qima lejn Ġesù Ewkaristija.
Għal Connie Scerri, din mhix l-ewwel sena li tat sehemha fl-armar tas-Sepulkru fil-Parroċċa ta’ Ħ’Attard. Hi spjegat kif flimkien ma’ grupp ta’ persuni oħra, ta’ kull sena jaraw li dan l-Artal jagħti qima u ġieh, fost l-oħrajn bi fjuri, li jżejnu dan l-ispazju ddedikat għall-akbar imħabba ta’ Kristu għall-bnedmin.
Is-Sibt filgħaxija, mat-tokki tal-Glorja, in-Nisrani jiċċelebra r-rebħa ta’ Ġesù Kristu fuq il-Mewt, filwaqt li l-Ħadd filgħodu numru ta’ Parroċċi jfakkru din l-Akbar Festa għall-Insara bil-purċissjonijiet tradizzjonali bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt.
//= $special ?>