Ingliż weħel sentenza sospiża għal sitt xhur u multa ta’ €4,500 wara li attakka żewġ Pulizija, li sofrew ġrieħi ħfief, hekk kif dawn waqqfuh milli jaqdi l-bżonnijiet tiegħu fil-pubbliku kmieni l-Ġimgħa filgħodu.
Fil-Qorti sar magħruf li l-Ingliż, Stuart James Thomas Mcintyre li għandu 28 sena u hu minn Chester, kien għadu ġej minn lejl jixrob flimkien ma’ sħabu. Xi ftit xurban, fis-Swieqi ddeċieda li jaqbad u jeħles il-bżonnijiet tiegħu barra, liema offiża ġġib magħha multa ta’ €50.
Minbarra li rreżista l-arrest u qeda l-bżonnijiet fil-pubbliku, Mcintyre kien akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika, li kien fis-sakra fil-pubbliku kif ukoll li rrifjuta li jagħti d-dettalji tiegħu lill-uffiċjali.
Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, Mcintyre deher dispjaċut u ddikjara li s’issa l-vaganza tiegħu xejn ma kienet waħda sabiħa, għalkemm ammetta l-akkużi kontrih u qal li dan hu tort tiegħu.
//= $special ?>