Ewropa Lokali

Dewmien fl-iskema tal-Frott u l-Ħaxix fl-iskejjel Maltin

Mistoqsija minn Francis Zammit Dimech lill-Kummissjoni Ewropea tħalli tweġiba li l-Gvern Malti qed ikaxkar saqajh u jġib l-iskużi biex din l-iskema tiġi implimentata.

L-iskema il-ġdida tal-Unjoni Ewropea tal-Frott u l-Ħaxix u anke dik tal-ħalib fl-iskejjel għadha ma bdietx tiġi implimentata f’pajjiżna minħabba skużi kontinwi mill-Gvern.

Dan ħareġ minn mistoqsija parlamentari lill-Kummissjoni Ewropea mill-MPE Francis Zammit Dimech fejn elenka l-ikkonċerna tiegħu għal mod kif din l-iskema għadha ma bdietx tiffunzjona għas-sena skolastika tal-2017/2018, sena li diġa qbiżna nofsha. L-MEP Nazzjonalista spjega wkoll li dwar dan anki avviċinwh numru ta’ ġenituri bl-ilmenti tagħhom u kien għalhekk li ħass id-dmir li jsaqsi din il-mistoqsija.

Il-ġenituri qed juru tħassib fuq kif din l-iskema għadha ma bdietx tiffunzjona

Zammit Dimech appella biex il-Gvern jieħu l-miżuri kollha neċessarji u biex isiru l-preparamenti kollha meħtiega u fl-anqas ħin possibli sabiex ikun hemm assigurazzjoni li t-fal jibbenefikaw mill-iskema. 

Hu qal li l-gvern ma għandux iġib skużi dwar proċessi ta’ akkwisti speċjalment meta l-Kummissjoni stess ikkonfermat li l-iskema l-ġdida għall-iskejjel saret ukoll b’tali mod li tissimplifika l-implimentazzjoni tagħha u meta l-Kummissjoni offriet ukoll il-possibilità ta’ gwida f’dan il-qasam.

L-MEP qal li l-proċessi għandhom isiru fil-ħin anke għaliex din l-iskema apparti li tippromwovi ikel bnin fost it-tfal, tikkumplimenta l-pjan li jindirizza l-obesità fost it-tfal, problema li hi ukoll eżistenti f’Malta.