Lokali

Edward Scicluna jgiddeb lil Muscat… Imma jġiegħluh iħassar il-‘post’ minn Facebook

Il-Ministru Edward Scicluna giddeb lill-Prim Ministru dwar il-€5 miljuni li se jingħataw għall-bini ta’ appartamenti f’Londra.

Wara li Muscat ilbieraħ qal li l-flus ħa joħorġu mill-flus miġbura mill-bejgħ tal-passaporti, jew inkella il-programm ‘IIP’ (Individual Investors’ Programme), illum, il-Ministru Edward Scicluna kiteb bl-aktar mod ċar li: “Il-ħames miljuni mhux se jiġu mill-fond tal-IIP. Il-flus ħa jiġu mill-Budget, u se jintefqu fuq proġett li jolqot lil ħafna familji Maltin u Għawdxin”.

Madanakollu, m’għaddiex wisq żmien qabel il-Ministru Scicluna kien sfurzat iħassar il-kumment minn Facebook. Filfatt, jekk wieħed imur ifittex il-kumment issa, ma jsibux.

Il-‘post’ ta’ Scicluna qajjem mistoqsijiet fost ħafna, fosthom jekk il-Ministru kienx jaf x’se jħabbar il-Prim Ministru lbieraħ filgħaxija.

Dwar dan kollu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-għajnuna mill-Gvern lill-batut għandu jkun dmir u obbligu, u mhux karità. Hu saħaq li għandu jkun hemm impenn li l-appartamenti f’Londra jinbnew ħalli dawk l-aktar fil-bżonn ikunu mgħejjuna.