Knisja Lokali

FILMAT: Il-preparazzjoni fil-knejjes għall-akbar festa tal-Insara

Ħadd il-Għid - l-akbar Festa tal-Knisja bit-tifkira tal-Qawmien mill-Mewt ta' Kristu u t-twelid mill-ġdid tal-bniedem għall-Ħajja ta' Dejjem.

Il-Knisja qed tfakkar l-Għid il-Kbir. Kull sena, ċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-ikbar festa tal-Knisja Kattolika jibdew bil-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej Mill-Mewt.

Fil-Knejjes madwar Malta u Għawdex, isiru l-Funzjonijiet. NET News mar fil-Knisja ta’ San Ġużepp fl-Imsida, fejn iltqajna mal-Kanonku Simon Sciberras, li kellimna dwar il-funzjonijiet li jwasslu għall-Għid.

Il-Kappillan spjegalna l-qofol tal-Festa tal-Għid u l-erba’ taqsimiet taċ-ċelebrazzjoni u kif il-ġimgħa mqaddsa hi l-qofol tal-kalendarju tal-Knisja. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili fiha erba’ taqsimiet: it-Tberik tan-Nar, il-Mixegħla tal-Blandun u t-Tħabbira tal-Għid; il-Liturġija tal-Kelma; il-Liturġija tal-Magħmudija; u l-Liturġija tal-Ewkaristija.

“Ħidma li ssir grazzi anki għall-voluntiera li jgħinu fil-knejjes”

U wara diversi jiem impenjattivi għall-Parroċċa Misidnajna minħabba l-anniversarju tal-125 sena mill-wasla tal-vara ta’ San Ġużepp, is-Sagristan Victor Tedesco spjegalna l-impenji ta’ qabel il-funzjoni tal-Għid, mhux tiegħu biss iżda anki tal-voluntiera fil-knejjes kollha ta’ Malta u Għawdex.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili twassal għal Ħadd il-Għid, li hi l-akbar Festa tal-Knisja bit-tifkira tal-Qawmien mill-Mewt ta’ Kristu u t-twelid mill-ġdid tal-bniedem għall-Ħajja ta’ Dejjem.

F’ħafna Knejjes, il-qofol jintlaħaq fiċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija. Fost dawn hemm seba’ adulti li f’dawn il-jiem qed isiru membri tal-Knisja wara mgħamudija mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna.

F’diversi lokalitajiet f’Malta u f’Ghawdex, f’Ħadd il-Għid jsiru Purċissjonijiet bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt, bi wħud minnhom isiru filgħodu u oħrajn isiru filgħaxija.

F’diversi lokalitajiet f’Malta u f’Ghawdex, f’Ħadd il-Għid jsiru Purċissjonijiet bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt, bi wħud minnhom isiru filgħodu u oħrajn isiru filgħaxija.