Futbol Sport

Futbol: Il-President ta’ PAOK Salonika sospiż għal tliet snin

Ivan Savvidis (fin-nofs) hekk kif daħal fil-granwd b’arma tan-nar

Il-President ta’ PAOK Ivan Savvidis, li fil-bidu ta’ dan ix-xahar kien daħal fil-grawnd b’pistola waqt logħba tal-kampjonat Grieg kontra AEK Athens, ġie sospiż għal tliet snin.

Aktar kmieni dan ix-xahar, f’partita mill-kampjonat Grieg bejn ir-rivali PAOK Salonika u AEK Athens kien hemm tensjoni kbira hekk kif Savvidis, li kellu pistola fuqu, daħal fil-grawnd biex jikkonfronta lir-referee wara li dan tal-aħħar kien għadu kemm ħassar gowl minuta mit-tmiem.

Meta l-iskor kien għadu dak ta’ 0-0 PAOK skurjaw permezz ta’ Fernando Varela imma dan tħassar għal offside u kien hawn fejn Savvidis ħareġ jipprotesta mar-referee Giorgos Kominis.

Allegatament Savvidis beda jhedded lir-referee u jgħidlu li dik kienet l-aħħar logħba li se jikkontrolla fil-karriera tiegħu.

Wara l-inċident, plejers ta’ AEK marru fid-dressing rooms għax bdew jibżgħu filwaqt li Savvidis beda jħeġġeġ lill-plejers tat-tim tiegħu biex iħallu l-grawnd bħala sinjal ta’ protesta.

Madankollu l-captain tat-tim irrifjuta u b’hekk il-plejers baqgħu jistennew fil-grawnd.

Eventwalment il-partita ġiet abbandunata u inkredibbli hu l-fatt wara li, sagħtejn wara, r-referee Kominis bidel id-deċiżjoni u l-gowl ingħata biex b’hekk PAOK rebħu 1-0.

Kominis għadda r-rapport tal-partita lill-Federazzjoni tal-futbol fil-Greċja u Savvidis safa mmultat €100,000.

PAOK tnaqqsulhom tliet punti u ġew immultati €63,000. Huma ser ikollhom jilagħbu t-tliet logħbiet li jmisshom f’darhom bil-bibien magħluqa u ser jibdew il-kampjonat li jmiss b’żewġ punti mnaqqsin.

Ir-rivali AEK ingħataw rebħa ta’ 3-0 għall-partita li ġiet abbandunata li kienet b’riżultat ta’ 0-0 sakemm Savvidis daħal fil-pitch.

Il-kampjonat Grieg tkompla llum wara li ġie sospiż nhar it-12 ta’ Marzu minħabba l-inċident li kien involut fih Savvidis.