Kien hemm inċidenti vjolenti tul il-fruntiera bejn Iżrael u l-Medda ta’ Gaza. Dan hekk kif eluf ta’ Palestinjani marru jipprotestaw tul il-fruntiera. Kien hemm ukollprotesti vjolenti fix-Xatt tal-Punent.

Skont il-Ministeru tas-Saħħa Palestinjan, kien hemm tal-anqas 16-il persuna li nqatlu filwaqt li mal-1,250 persuna oħra li ndarbu, fil-maġġoranza b’tiri ta’ arma tan-nar mill-forzi tas-sigurtà Iżraeljani.

Il-militar Iżraeljan qal li kien hemm irvellijiet f’sitt postijiet tul il-fruntiera mal-Medda ta’ Gaza u fihom kien hemm b’kollox madwar 17,000 Palestinjan. Il-militar Iżraeljan ikkonferma li kien qed jinfetaħ in-nar fuq dawk il-Palestinjani li jkunu vjolenti fost l-oħrajn bi tfigħ ta’ bombi tal-petrol.

Dawn id-dimostrazzjonijiet jiffurmaw parti minn kampanja ta’ protesta mlaqqma, “Il-Marċ il-Kbir għar-Ritorn”, u dan biex il-Palestinjani jitħallew imorru lura lejn id-dar oriġinali tagħhom li issa huma f’Iżrael.

Tul il-fruntiera bejn Gaza u Iżrael, hemm preżenza kbira tal-forzi tas-sigurtà Iżraeljani. Dan minħabba l-biża’ li jista’ jsir xi sforz biex ammont kbir ta’ nies jippruvaw jaqsmu l-fruntiera f’daqqa.


