Lokali

Illejla l-Arċisqof Charles J. Scicluna se jgħammed 7 adulti

7 insara ġodda minn 6 pajjiżi differenti

Illejla, waqt il-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ser jiċċelebra s-Sagramenti tad-Dħul fil-Ħajja Nisranija (Magħmudija, Griżma u Tqarbin) lil 7 adulti li għażlu l-ħajja Nisranija.

Waqt dan il-Vġili wkoll, żagħżugħ Ġermaniż ser jiġi kkonfermat fil-fidi Kattolika permezz tas-Sagrament tal-Ġriżma tal-Isqof.

It-tmien żgħażagħ u adulti li b’dawn is-sagramenti ser isiru wlied Alla u membri ġodda tal-Knisja Kattolika kważi kollha huma żgħażagħ taħt it-30 sena minn 6 pajjiżi differenti: minn Malta, mill-Indja, mill-Italja, mir-Repubblika Ċeka, minn Kuba u mit-Turkija.

Matul ir-Randan, dawn il-persuni ltaqgħu mal-Arċisqof Scicluna bi tħejjija għal dan il-mument importanti f’ħajjithom. Wieħed minn dawn iż-żgħażagħ li għandu 27 sena fisser kif minn tfulitu dejjem fittex il-verità u dejjem staqsa dwar l-eżistenza ta’ Alla. Huwa fisser iċ-ċelebrazzjoni tal-lejla, li matulha ser jilqa’ lil Ġesù Kristu u jsir Nisrani, bħala bidu ta’ ħajja ġdida.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid li tibda fit-8pm tinkludi: it-tberik tan-nar li jsir fuq iz-zuntier tal-Konkatidral u jkompli bit-tħabbira tal-Għid; il-qari ta’ siltiet mill-Kotba Mqaddsa u l-kant tal-Glorja; it-tberik tal-ilma, meta l-blandun mixgħul minn nar imbierek fuq iz-zuntier jiddaħħal fl-ilma; u l-liturġija tal-Ewkaristija.