Wara li ġimagħtejn ilu deher li l-kampjonat Taljan infetaħ beraħ bid-draw ta’ Juventus kontra SPAL u r-rebħa ta’ Napoli kontra Genoa, l-istorja hi waħda differenti wara li tard is-Sibt filgħaxija Juventus rebħu 3-1 kontra Milan.
Ir-rebħa ta’ Juventus waslet ftit sigħat wara li, kontra kull mistenni, Napoli kienu ġew miżmuma draw kontra Sassuolo. Għal Milan din kienet l-ewwel telfa fil-kampjonat matul din is-sena u waslet kontra tim li issa għandu vantaġġ ta’ erba’ punti f’ras il-klassifika.
Juventus fetħu l-iskor b’gowl ta’ DYBALA li sab ix-xibka b’xutt b’saħħtu fit-tmien minuta. 20 minuta wara kellu jkun proprju l-eksplejer ta’ Juventus, BONUCCI li ġab id-draw għal Milan meta għeleb lil Buffon b’daqqa ta’ ras.
Dan il-gowl ċaħħad lil Juventus milli jwaqqfu rekord. Il-Bianconeri kienu 17-il minuta ‘l bogħod milli jwaqqfu rekord ta’ clean sheets fl-istorja tal-futbol Taljan. Qabel ilbieraħ huma kienu ilhom 10-il partita ma jsofru gowl. L-aħħar gowl li kienu sofrew kien dak kontra Verona fit-30 ta’ Diċembru li għadda.
Wara li Calhanoglu laqat il-lasta għal Milan 11-il minuta mit-tmiem kien CUADRADO li skurja biex reġa’ poġġa lil Juventus fil-vantaġġ u KHEDIRA ssiġilla l-konfront b’gowl ħames minuti mit-tmiem.
Ta’ min jinnota li Milan ilhom ma jirbħu f’Turin kontra Juventus sa mill-2011 meta dakinhar rebħu 1-0 b’gowl ta’ Gattuso (li llum-il ġurnata hu kowċ ta’ Milan). Ironiakment il-kowċ ta’ Milan dakinhar kien Max Allegri, li llum-il ġurnata qed imexxi lil Juventus.
Din ir-rebħa bla dubju se tgħolli l-morall ta’ Juventus li issa jmisshom kontra Real Madrid fl-ewwel leg tal-kwarti tal-finali taċ-Champions League.
Aktar kmieni Napoli ġew miżmuma draw 1-1 barra minn darhom kontra Sassuolo. POLITANO, plejer li kien ferm viċin jingħaqad ma’ Napoli f’Jannar li għadda, poġġa lil Sassuolo fil-vantaġġ. Wara dan il-gowl Napoli għafsu imma sabu lill-gowlkiper Consigli f’vena tajba.
Huma ġabu d-draw meta Rogerio mar jikklirja cross perikoluż u tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess. Napoli kienu sfortunati meta lejn it-tmiem Milik laqat il-lasta għal skor finali ta’ 1-1.