Sewwieq ta’ mutur minn Ħaż-Żabbar kellu jittieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li kien involut f’incident tat-traffiku fil-Gudja. Il-każ seħħ mar-roundabout biswit l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fi Vjal l-Avjazzjoni meta għal xi raġuni l-mutur misjuq mill-vittma ta’ 69 sena allegatament intlaqat minn taxi misjuqa minn mara ta’ 48 sena mis-Siġġiewi.
Fuq il-post issejħu uffiċjali tal-Pulizija flimkien ma’ tim mediku tal-ambulanzi li ħadu lill-anzjan l-isptar għal aktar kura, fejn ġie ċertifikat li ġarrab ġrieħi gravi.