Sport Sport Ieħor

Anthony Joshua jegħleb lil Joseph Parker b’deċiżjoni unanima

Anthony Joshua jiċċelebra wara r-rebħ tar-raba' titlu kontemporanju (Ritratt: EPA)
Iżomm ir-rekord perfett fil-ġlidiet tiegħu filwaqt li issa jinsab jokkupa erba' titli fl-istess ħin

Anthony Joshua żamm ir-rekord perfett fil-karriera professjonali tiegħu wara li għeleb lil Joseph Parker. Il-boxer Ingliż rebaħ b’deċiżjoni unanima b’żewġ riżultati ta’ 118-110 kif ukoll 119-109 fi ġlieda li saret fil-Principality Stadium f’Cardiff quddiem folla ta’ 80,00 ruħ.

Din kienet l-ewwel darba li Joshua ġġieled ġlieda sħiħa wara li fl-20 ġlieda preċedenti dejjem rebaħ b’knock-out. B’din ir-rebħa, Joshua għandu erba’ titli heavyweight fil-pussess tiegħu, bit-titlu WBO jiżdied mat-tliet titli WBA, IBF u IBO li kellu qabel din il-ġlieda. Għal Parker din kienet l-ewwel telfa fil-karriera professjonali tiegħu wara li kien rebaħ l-24 ġlieda, 18 minnhom b’knock-out.

L-ewwel żewġ rawnds kienu aktar fażi ta’ studju bejn it-tnejn, b’Anthony Joshua jżid aktar fir-ritmu fiż-żewġ rawnds sussegwenti fejn beda jitfa’ aktar lill-avversarju fil-kantuniera. Iżda fil-ħames u s-sitt rawnd, kien hemm reazzjoni minn Parker li beda jersaq aktar lejn Joshua, bil-konfront isir aktar missielet.

Parker beda jirnexxielu momentarjament iwaqqaf ir-ritmu tal-avversarju, iżda fit-tmien rawnd Joshua rnexxielu jolqot lil Parker b’daqqa tajba bix-xellug. Wara li fid-disa’ rawnd kellu jiddefendi ftit, fl-għaxar rawnd Joshua rnexxielu jagħmel fetħa żgħira ħdejn għajnejn Parker, fejn dehret is-supremazija li kellu.

It-tnejn pruvaw ifittxu d-daqqa mortali fil-11-il rawnd, iżda konxju mill-fatt li kien jinsab aħjar tul il-partita, Joshua rreżista l-pressjoni li jfittex in-knock-out fl-aħħar rawnd u kkontrolla l-aħħar tliet minuti.

Tags