Lokali

Arrestat f’Malta “l-kollaboratur tar-re tal-logħob tal-azzard”

Il-Pulizija f’Malta arrestaw lil Diomiro Alessi, ta’ 33 sena, li ħarab minn Palermo u li fil-konfront tiegħu kien hemm mandat t’arrest Ewropew maħruġ mill-Qorti ta’ Palermo.

L-arrest sar fl-aħħar sigħat b’kollaborazzjoni mal-Pulizija fl-Italja, b’Alessi mistenni jiġi estradit lura lejn pajjiżu fejn kien imfittex b’rabta ma’ operazzjoni li ngħatat l-isem ta’ Game Over.

Alessi hu akkużat li kkollabora ma’ Benedetto Bacchi (ara isfel), magħruf bħala r-re tal-logħob tal-azzard u li ġie arrestat fil-bidu ta’ Frar fl-Italja. Mill-investigazzjonijiet ħareġ li Bacchi ħoloq diversi kumpaniji tal-logħob tal-azzard b’kollaborazzjoni u għajnuna mill-mafja u kien jaqla’ mal-miljun ewro fix-xahar, liema flus kienu jmorru għand familji mafjużi li magħhom kellu relazzjoni mill-qrib u saħansitra ftehim kuntrattwali.

Flimkien mal-boss tal-mafja Francesco Nania, Bacchi imbagħad kien jinvesti l-flus mill-ġdid f’attivitajiet oħra biex b’hekk jaħbi minn fejn ikunu ġew il-flus. Miegħu, ix-xahar li għadda, ġew arrestati tletin persuna oħra akkużati b’assoċjazzjoni mafjuża, riċiklaġġ tal-flus, serq, użu ta’ flus li ġejjin minn attivitajiet illegali, qligħ bi vjolenza jew theddid kif ukoll trasferiment ta’ oġġetti ta’ valur bi frodi.

Alessi mistenni jaffaċċja akkużi li kien kompliċi kif ukoll li kien jiġbor il-flus ġejjin mil-logħob tal-azzard. Fl-atti tal-akkuża jingħad li Alessi kien il-persuna ta’ riferenza f’Malta għal Benedetto Bacchi u Antonio Lo Baido, b’karigi amministrattivi fi ħdan żewġ kumpaniji Maltin: B.L. Man Limited u Dodoone Limited.

Benedetto Bacchi arrestat f’Palermo … ħoloq kumpaniji f’Malta biex jirriċiklaw il-flus tal-mafja