Numru ta’ diplomati Russi li sfaw imkeċċija mill-Istati Uniti telqu mill-ambaxxata tar-Russja f’Washington u, fl-aħħar sigħat, qabdu titjiriet lura lejn pajjiżhom.
It-tluq lura lejn Moska sar permezz ta’ żewġ ajruplani li telqu mill-ajruport internazzjonali ta’ Dulles, f’Washington.
Id-diplomati kienu mitluba jitilqu mill-Istati Uniti bħala parti minn reazzjoni internazzjonali wara l-allegat attakk bin-nerve gas mir-Russja fuq l-eks-spjun Russu, Sergei Skripal u bintu, Yulia, li seħħ fl-4 ta’ Marzu f’Salisbury, fir-Renju Unit.
Id-diplomati Russi u qrabathom waslu, aktar tard ilbieraħ, fl-ajruport ta’ Vnukovo, barra Moska.
Dan meta mifhum li l-Istati Uniti keċċiet madwar 60 diplomat Russu bi tweġiba għall-attakk ta’ jiem ilu fuq Skripal u bintu. Skont l-Istati Uniti, dawn id-diplomati kienu qed jaħdmu bħala ‘spjuni għar-Russja’.
Ir-Russja qalet, fi tmiem il-ġimgħa, li r-Renju Unit għandu jnaqqas l-istaff diplomatiku f’Moska b’aktar minn 50 membru meta l-kriżi dwar il-każ ‘Skripal’ jidher li laħaq livelli aktar allarmanti.
Il-miżuri ġodda seħħew wara li 23 diplomati Russi telqu mir-Russja, ix-xahar li għadda, bħala tpattija minn Moska talli l-alleati tar-Renju Unit kienu keċċew numru ta’ diplomati Russi minħabba l-attakk f’Salisbury.
//= $special ?>

