Lokali

FILMAT: L-istatwa tal-Irxoxt tal-Birgu m’għandiex ħsara rreparabbli

Aħbar tajba għall-Ġirbin hekk kif, wara l-ħasda tal-ħsara li ġarrbet l-istatwa storika tal-irxoxt, esperti huma tal-opinjoni li l-ħsara mhix irreparabbli u se jibda x-xogħol biex titreġġa’ għal li kienet.

Sfortunatament il-bandiera li jżomm f’idu l-Irxoxt inqabad f’xi ‘wires’ tad-dawl waqt waħda mill-ġirjiet tradizzjonali li jsiru bil-konsegwenza li tqaċtet dirgħajn l-istatwa. Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li dan x’aktarx kien ‘vent’ ġdid li kien fil-baxx ħafna u fl-edizzjonijiet preċedenti ma kienx hemm u għaldaqstant ir-reffiegħa u l-organizzaturi ma kellhomx idea bil-preżenza tiegħu.

Filmati u ritratti wrew l-ixbiha ta’ Kristu Rxoxt b’idejh ix-xellugija nieqsa – fejn bosta persuni esprimew id-dieqa tagħhom għal dak li ġara anke għaliex din hi statwa storika li saret fl-1883 minn wieħed mill-aqwa artisti tal-istatwi li qatt ipproduċa pajjiża – Salvu Psaila.

Immedjatament malli seħħ l-inċident saret spezzjoni minn esperti waqt li l-parti miksura qed tinżamm f’post sigur biex isir ix-xogħol meħtieġ. Mad-dħul tal-istatwa lura fil-Knisja, l-Arċipriet saħansitra ddikjara li hemm min lest jerfa’ l-piż finanzjarju li jġib miegħu x-xogħol tar-restawr, li għandu jibda mmedjatament.