Internazzjonali

Il-Papa jitlob tmiem għall-gwerra tas-Sirja

Il-konflitt fis-Sirja mill-ġdid kien il-punt prinċipali tad-diskors Urbi et Orbi (lill-Belt u lid-Dinja) tal-Papa Franġisku fl-okkażjoni ta’ Ħadd il-Għid.

L-għażla tat-tema ma kenitx daqstant sorpriża, bil-Papa jitlob – mill-gallarija tal-Vatikan li tħares fuq Pjazza San Pietru (f’Ruma) — biex id-dinja kollha tgawdi l-frott tal-paċi; ‘b’mod partikulari is-Sirja li ilha tbati s-snin’.

Il-Papa irrefera għall-fatt li s-Sirjani ma jifilħux iġorru aktar il-kalvarju ta’ gwerra li ma tidhirx li għandha tmiem waqt li awgura li l-okkażjoni ta’ Kristu Irxoxt (il-Għid) ‘tillumina l-kuxjenza tal-mexxejja politiċi u militari kollha, ħalli l-konflitt Sirjan jasal fi tmiemu u l-liġi umanitarja tkun irrispettata’. Hu, fl-istess ħin, awgura li jkun hemm kundizzjonijiet xierqa għar-ritorn tar-refuġjati.

L-indikazzjonijiet huma li mietu kważi nofs-miljun – ġellieda u ċivili – fil-kumbattimenti tas-Sirja, waqt li kważi żewġ miljuni oħra spiċċaw midruba.

Jidher ukoll li madwar nofs il-popolazzjoni tas-Sirja qegħdin jgħixu bħala refuġjati interni jew ‘il hinn minn pajjiżhom.

Il-Papa Franġisku ilu s-snin jikkundanna l-konflitt tas-Sirja u, fid-diskors, hu irrefera wkoll għall-konflitt bejn Iżrael u l-Palestinjani, il-kriżi fil-Jemen u s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani kollu – b’talba biex ‘id-djalogu u r-rispett komuni jegħlbu l-vjolenza u d-diviżjoni’.

F’referenza għall-Afrika, il-Papa awgura li kulmin qed jgħix f’dan il-kontinent igawdi minn ħajja aktar dinjituża – b’mod partikulari kulmin hu affettwat mill-ġuh, il-ġlied kontinwu u t-terroriżmu. Referenza partikulari saret għas-Sudan t’Isfel u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

Id-diskors tratta wkoll il-kriżi fil-peniżola Koreana fost stennija għal laqgħat kruċjali bejn il-Mexxejja tal-Korea t’Isfel u l-Korea ta’ Fuq komunista li (anki) se jwittu t-triq għal laqgħa bejn il-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un u l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump. Il-Papa, hawnhekk, ħeġġeġ għal djalogu u paċi fil-peniżola Koreana u biex it-taħditiet li jsiru javvanzaw l-armonija u l-paċi fi ħdan ir-reġjun.

‘Il-ħtieġa għall-konsolidazzjoni tal-armonija’ kienet it-tema tal-awgurju tal-Papa għall-Ukrajna u l-Veneżwela — fejn kriżi politika fit-tul qed tixpruna kriżi akbar ekonomika.

Id-diskors tratta wkoll diversi problemi soċjali li spikkaw fiż-żmien li Franġisku ilu jmexxi lill-Knisja Kattolika u fejn qed jidhru l-aktar il-vjolenza u l-inġustizzji. Il-Papa qal li l-festa li tfakkar il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt tipprovdi ħajja vera lid-dinja flimkien ma’ tama għall-immigranti, ir-refuġjati, il-vittmi tad-droga u t-traffikanti tal-bnedmin u oħrajn li jbatu mill-esklużjoni, il-ġuh u l-qgħad.

Il-Papa esprima tħassib speċjali għall-anzjani u t-tfal fejn awgura futur aħjar għaċ-ċkejknin li twieldu mingħajr tama b’riżultat tal-gwerer u l-ġuh madwar id-dinja.