Internazzjonali

Jekk tuża l-app ‘myfitnesspal’ moħħok hemm

Il-kumpanija sportiva Under Armour ammettiet li mal-150miljun utent tal-app ‘MyFitnessPal’ kienu ‘hacked’ fi Frar li għadda.

F’e-mail mibgħuta lill-utenti l-kumpanija spjegat li fil-25 ta’ Marzu rrealizzaw li matul ix-xahar ta’ Frar spiċċaw hacked madanakollu serħu ras kulħadd li għalkemm damu kemmxejn biex indunaw qed jittieħdu l-passi kollha meħtieġa.

Fost id-data li ġiet minsusa hemm usernames, passwords kif ukoll indirizzi tal-e-mails, madanakollu l-kumpanija preċiżat li ma ttieħdu l-ebda dettalji tal-bank, jew informazzjoni tas-sigurtà soċjali.

Fi stqarrija MyFitnessPal saħqet li ftit tal-jiem wara li saret taf b’din is-sitwazzjoni infurmat lill-utenti tagħha bis-sitwazzjoni filwaqt li ħeġġew lill-klijenti tagħhom sabiex jieħdu numru ta’ passi tas-sigurtà sabiex jipproteġu l-privatezza tagħhom.

Għaldaqstant il-kumpanija saħqet li l-utenti kollha tagħha jridu jbiddlu l-password u qed tħeġġeġ lil dak li jkun sabiex iwettqu dan b’mod immedjat.

Dan huwa l-akbar hack s’issa għall-2018 u UnderArmour insistew li qed jaħdmu mal-ogħla esperti investigattivi sabiex isolvu dan il-każ.