Lokali TAZZA TAD-DINJA 2018

KONFERMA: L-Ingliżi u l-Iżvediżi barra mit-Tazza tad-Dinja 2018 – It-Taljani għal ġewwa

L-ewforija Taljana tispikka fil-konfront tal-inkredulità Ingliża - Intervista esklussiva ma' ġurnalist Żvediż

Il-possibilità li l-Ingilterra toħroġ ‘il barra mill-edizzjoni Russa tat-Tazza tad-Dinja 2018 kienet xi ħaġa li, għalkemm toqrob lejn il-fantaxjenza, ħadd ma kien qiegħed jeskludi minħabba r-relazzjoni xejn pjaċevoli bejn ir-Renju Unit u r-Russja li kull ma jmur qed jiddeterjoraw b’rata allarmanti.

Kien għalhekk li l-FA Ingliża ħabbret li, b’effett immedjat, kontra qalb bosta, ttieħdet id-deċiżjoni mill-Prim Ministru Theresa May innifisha sabiex għal din id-darba l-Ingliżi jieħdu pass lura minn din l-edizzjoni hekk kif allegatament fi kliemha stess, “ma nistgħux nirriskjaw riperkussjonijiet fuq il-plejers tagħna jew inkella fuq l-eluf ta’ partitarji Ingliżi li kienu se jirrappreżentawna fir-Russja.”

Il-President Vladimir Putin jikkongratula lil President Mattarella

Id-deċiżjoni ttieħdet bħala prekawzjoni u hija miżura ta’ sigurtà wara li fl-aħħar sigħat saret theddida mir-Russja li ser ikun hemm riperkussjonijiet fuq il-pajjiżi li rtiraw lid-diplomatiċi tagħhom bħala ritaljazzjoni għall-avvelenament tal-ispija Russu f’Salisbury.

Flimkien mal-Ingilterra jistgħu jingħaqdu wkoll l-Iżvediżi hekk kif il-President tal-FA Żvediża, Karl-Erik Nilsson, sostna li bħala sostenn mar-Renju Unit l-Iżvezja qed jappoġġjaw il-kawża u ser joħorġu mit-turnew internazzjonali. Qal hu wkoll li rapporti ta’ intelliġenza li waslulu jindikaw li niesu jsitgħu jisfaw fil-mira tal-partitarji Russi frott it-tensjoni li ħoloq dan il-każ.

Mhux eskluż li flimkien ma’ dawn iż-żewġ pajjiżi jingħaqdu wkoll il-Polonja, id-Danimarka u l-Ġappun wara li dawn ukoll kienu ħabbru li ma kinux ser jibgħatu diplomatiċi fir-Russja sabiex jattendu għaċ-ċerimonja tal-ftuħ.

L-ewwel rapporti dwar dan ħarġuhom ġurnali Russi fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu, li bħal sajjetta fil-bnazzi, ħasdu d-dinja tal-futbol. Din il-mossa tfisser li issa jidħol fis-seħħ l-artiklu 7, jiġifieri t-Taljani, u l-Irlanda lesti sabiex isibu posthom fit-Tazza tad-Dinja biċ-ċans għall-finali f’Moska.

Is-sit li żvela l-aħbar li ħasdet lil bosta – Ir-Russja tilqa’ bi ħġara lit-Taljani

Ritratti ppublikati fuq siti awtorevoli Russu u kkonfermati minn oħrajn fl-Italja wrew lill-President Russu Vladimir Putin jikkongratula lill-President Taljan Sergio Mattarella, hekk kif b’kumbinazzjoni dan tal-aħħar kien f’San Pietruburgu għall-kunċert annwali tal-Għid Ortodoss.

Esperti li esprimew l-opinjoni tagħhom ma’ ġurnali Taljani saħqu li xorta waħda għandhom dubju jekk mhux ser jibqgħu b’xiber imnieħer jew le hekk kif ir-Russja keċċiet żewġ diplomatiċi Taljani minn Moska wara l-kriżi li feġġet konsegwenza tal-attakk fuq l-ispija u bintu.

Filwaqt li s’issa ma ngħata l-ebda kumment minn uffiċjali għolja tal-FIFA, wieħed irid jara x’riperkussjonijiet ser ikun hemm għall-pajjiżi li abbandunaw it-Tazza tad-Dinja – b’numru kbir ta’ sostenituri Ingliżi u Żvediżi bir-ragħwa f’ħalqhom wara li diġà qatgħu l-biljetti sabiex imorru jaraw it-tim nazzjonali tagħhom fir-Russja.

Ġurnal Żvediż jixhed id-diżappunt ta’ nazzjon

Net News tkellem b’mod esklussiv ma’ Jass Okinsson, ġurnalist Żvediż li bħalissa jinsab Malta fuq xogħol.

Huwa esprima d-diżappunt tiegħu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet hekk kif fi kliemu t-Taljani ma daħlux mill-bieb u rnexxielhom xorta waħda jidħlu mit-tieqa.