Lokali

L-Università Ġordaniża mifnija bil-kriżi u għadu ma sar l-ebda progress

Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva l-AUM bħala istituzzjoni brillanti daqs l-Università ta' Malta

In-numru ta’ studenti li jattendu fl-Università Ġordaniża f’Bormla reġgħu naqsu hekk kif l-ammont reġa’ niżel għal dak oriġinali meta fetħet għall-ewwel darba lura f’Settembru. Dan ifisser li l-ammont ta’ studenti niżel għal ħmistax – l-istess daqskemm irreġistraw fil-bidu tas-sena akkademika.

Filwaqt li fil-bidu ta’ din is-sena kienu qed jattendu l-Università ftit aktar minn għoxrin student, fil-maġġoranza tagħhom mill-Kamerun u mill-Bangladesh – sorsi ta’ min jorbot fuqhom qrib il-ġurnal The Sunday Times of Malta żvelaw li seħħew ċirkostanzi mhux mistennija.

Dan hekk kif allegatament, għalkemm dawn l-istudenti kellhom jibdew jattendu għal-lezzjonijiet mit-tieni semestru, ħafna minnhom jew lanqas attendew imqar darba, jew waqfu ħesrem, jew nkella ħadd ma reġa’ sema’ b’aħbarhom.

Sorsi qrib l-Università Ġordaniża spjegaw mas-Sunday Times of Malta li mis-16-il Kameruniż li oriġinarjament ġew magħżula, 12 biss waslu Malta hekk kif l-4 oħra hemm ix-xniegħa li marru f’xi stat membru ieħor tal-Unjoni Ewropea permezz tal-Visa tal-istudenti.

Fl-aħħar ġimgħat Identity Malta fetħhet investigazzjoni wara li uffiċjali mill-Università spjegaw li numru ta’ persuni li akkwistaw il-visa studenteska ma tfaċċaw qatt Malta.

Dan filwaqt li ġie żvelat ukoll li preżentament l-Università qiegħda f’disperazzjoni sħiħa fejn għandu x’jaqsam ammont ta’ studenti hekk kif ma jidher li sar l-ebda progress fl-aħħar sitt xhur u s-sinjali m’humiex jawguraw tajjeb.

Il-pjan kellu jkun li jattendu mat-tlett mija u tletin student madanakollu l-amministrazzjoni universitarja rnexxielha tiġbed biss ftit aktar minn erbgha fil-mija tal-ammont pjanat oriġinarjament.

Dawn iċ-ċirkostanzi jkomplu jżidu fil-lista ta’ inkwiet li għandha din l-Università li kull ma jmur qed issir waħda fantażma wara li lura f’Diċembru kull membru fil-fakultà tneħħew mill-karigà ftit jiem qabel ma spiċċalhom il-perjodu ta’ probation.

Madanakollu l-Prim Ministru Joseph Muscat xorta waħda baqa’ jinsisti li qed jara traċċi ta’ suċċess f’din l-Università u ddeskriviha bħala istituzzjoni brillanti daqs l-Università ta’ Malta.