Internazzjonali

Stennija għat-tifrik minn ‘space lab’

It-tifrik minn stazzjon tal-ispazju ( space lab) taċ-Ċina għandu jinżel fid-dinja għada, skont ma qalu x-xjenzati li qegħdin isegwu s-sitwazzjoni.

L-aġenzija għall-ispazju Ċiniża qalet, ilbieraħ, li l-istazzjon ‘skadut’ kellu jidħol lura fl-atmosfera tad-dinja ‘fi żmien 24 siegħa’ – u dejjem skont it-tbassir mill-European Space Agency (ESA).

L-istazzjon Tiangong-1 kien parti mill-programm tal-ispazju ambizzjuż taċ-Ċina minbarra li (anki) l-prototype għal stazzjon tal-ispazju li se jitmexxa minn ekwipaġġ ta’ astronawti u li jkun effettiv fl-2022.

It-Tiangong-1 kien daħal fl-orbita fl-2011 u ħames snin wara konkluda l-missjoni partikulari. Dan fost l-istennija li s-space lab ‘jaqa’ lura fid-dinja’ skont l-iskeda.

Ħafna mill-istazzjon spazjali mistenni li jinħaraq fl-atmosfera iżda hemm probabbiltà kbira li xi tifrik minnu jispiċċa jinżel direttament fid-dinja tagħna. Kelliema għall-aġenzija tal-ispazju Ċiniża fissru li t-tifrik mhumiex se jinżlu ‘bl-istess impatt li naraw fil-films tal-fantaxjenza, iżda bħala speċi ta’ meteor shower’.