Internazzjonali

Tilwima mal-Italja dwar l-immigranti

Uffiċjali tad-dwana armati minn Franza provokaw rabja kbira meta daħlu fi klinika għall-immigranti li tinsab fi stazzjon tal-ferrovija lejn il-Punent ta’ Turin, fl-Italja.

Ħames uffiċjali li qasmu mill-fruntiera sfurzaw individwu biex jgħaddi minn ‘eżami’ fil-faċilità waqt li personalitajiet politiċi fl-Italja ( li laqgħet ‘il fuq minn 600,000 immigrant fl-aħħar erba’ snin) ikkundannaw dan il-pass.

L-Ambaxxatur Franċiz għal Franza, Christian Masset, intant, issejjaħ biex jispjega s-sitwazzjoni lill-Ministeru Taljan għall-Affarijiet Barranin f’Ruma.

Jidher li wara li l-uffiċjali armati Franċiżi qasmu l-fruntiera u daħlu fil-klinika li tinsab f’Bardonecchia, huma għamlu pressjoni fuq l-immigrant biex jagħmel it-testijiet mitluba minnu filwaqt li intimidaw lil tabib, kif ukoll lil xi ‘medjaturi u avukati’.

Dan qaluh kelliema għall-organizzazzjoni medika li tħaddem il-klinik partikulari.

Il-kelliema sostnew li l-azzjonijiet tal-uffiċjali Franċizi jammontaw għal ‘indħil serju’ fil-ħidma tal-organizzazzjonijiet mhumiex govermentali (NGOs) fl-istituzzjonijiet Taljani.

Osservaturi qalu wkoll li l-fruntiera ta’ Franza mal-Italja qed issir dejjem aktar ‘militarizzata’ minbarra li sejħu għal bidla fil-politika stretta tal-Franċizi li tiċħad lill-immigranti.

Madankollu, il-Gvern ta’ Franza wieġeb li l-uffiċjali tiegħu kienu talbu l-permess biex jidħlu fiċ-ċentru inkwistjoni u li dan kien ingħatalhom.

Il-Franċiżi qed jgħidu li skwadra ta’ uffiċjali tad-dwana Franċiżi li kienu qed jivvjaġġjaw b’ferrovija lejn l-Italja suspettaw li passiġġier Niġerjan li hu residenti fl-Italja (u li kien qed jivvjaġġa fuq l-istess ferrovija) kien qed iġorr xi kunsinna ta’ droga.

Ingħad ukoll li l-uffiċjal stennew biex il-passiġġier jinżel mill-ferrovija u ftit wara huma ngħataw permess biex jużaw l-istazzjon f’Bardonecchia biex jieħdu ‘kampjun’ mingħand l-individwu taħt ftehim bejn Franza u l-Italja.

Ir-riżultati tat-testijiet irriżultaw negattiv, iżda l-uffiċjali Franċiżi insistew li huma kienu mxew ‘eżattament’ mal-proċedura.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ Bardonecchia, Francesco Avato, qal li kien ‘iddispjaċut ħafna’ bl-aħbar u sostna li l-uffiċjali Franċiżi ‘ma kellhom l-ebda dritt li jidħlu fil-klinika’.

L-eks Prim Ministru Taljan, Enrico Letta, sostna li l-inċident kien ‘żball ieħor fir-rigward tal-issue tal-immigranti’.