Lokali

Efimova tallega ‘maltrattament’ waqt interrogazzjoni f’Malta – Il-Pulizija tiċħad

Il-Whistleblower Russa Maria Efimova, qed issostni li hi sofriet maltrattament mill-Pulizija waqt interrogazzjoni f’Malta.

Alexandros Papasteriopoulos, l-Avukat ta’ Efimova, saħaq dan f’kumment ma’ ġurnal Grieg fil-ġranet li għaddew. Efimova hi eks impjegata tal-Bank Pilatus f’Malta, li jinsab fiċ-ċentru ta’ diversi akkużi ta’ ħasil tal-flus u kienet sostniet li Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru, kienet is-sid tal-kumpanija Egrant fil-Panama u kienet irċeviet flus f’kont fl-istess bank. Hi kienet tat ruħha b’idejha lill-pulizija Griega fl-20 ta’ Marzu, l-istess jum li fih iċ-Chairman tal-Bank Pilatus, Ali Sadr Hasheminejad kien arrestat fl-Istati Uniti. Efimova qed tiffaċċja żewġ mandati ta’ arrest ewropew maħruġa minn Malta.

Skont dokumenti li kienu esibiti lill-Qorti Griega, Maria Efimova kienet interrogata minn żewġ uffiċjali tal-Pulizija f’Awwissu tal-2016. Hi allegat li wieħed mill-uffiċjali imbuttaha u ħadulha t-telefon ċellulari u li kien hemm żewġ rappreżentanti tal-Bank Pilatus li kienu preżenti waqt l-interrogazzjoni. Hi qalet li l-Pulizija bdew jgħidulha li huma “ħbieb tal-bank” u li “għamlu pressjoni fuqha biex titlob skuża lir-rappreżentanti tal-Bank Pilatus” li kien hemm preżenti fl-għassa tal-Pulizija.

Efimova tkompli li wieħed mill-Pulizija issa ħalla l-Korp u lest li jmur fil-Greċja u jixhed favuriha. Maria Efimova kienet ħadmet mill-qrib mal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u ħarbet minn Malta ftit wara l-qtil ta’ Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru li għadda.

Il-Pulizija ta’ Malta twieġeb

Sadanittant, fi stqarrija, il-Korp tal-Pulizija ċaħad l-allegazzjonijiet ta’ Efimova li hi sfat maltrattata mill-uffiċjali tal-Pulizija. Il-Korp ċaħad ukoll kategorikament l-allegazzjoni ta’ Maria Efimova li kien hemm rappreżentanti tal-Bank Pilatus waqt l-interrogazzjoni.