Lokali

L-NCA tar-Renju Unit se tkun qed tanalizza l-informazzjoni li David Casa ta dwar il-Bank Pilatus

L-Aġenzija Nazzjonali kontra l-Kriminalità fir-Renju Unit (NCA) se tkun qed tanalizza l-informazzjoni li pprovdielha l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa dwar l-allegat ħasil ta’ flus sistematiku fil-Bank Pilatus.

Il-ġurnal The Times of Malta rrapporta li d-Direttur tal-NCA Donald Toon wieġeb għall-ittra li Casa bagħat lill-Aġenzija jiem qabel l-arrest ta’ sid il-Bank Pilatus, Ali Sadr, fejn qal li l-klijenti ewlenin tal-Bank huma persuni esposti politikament (PEPs) mill-Ażerbajġan u li dan jitlob investigazzjoni serja.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-NCA qal li l-Aġenzija se tkun qed tikkunsidra serjament l-allegazzjonijiet kriminali dwar tixħim u korruzzjoni li potenzjalment setgħu ħallew impatt negattiv fuq l-integrità tas-settur finanzjarju fir-Renju Unit.

Dan hekk kif il-Bank Pilatus beda jopera fergħa f’Mayfair wara li uża’ l-liċenzja miksuba mill-Gvern Malti fl-2014 biex jiftaħ fergħa fl-Ingilterra.

Ali Sadr bħalissa qed ikun investigat ukoll mill-awtoritajiet Amerikani b’akkużi li jistgħu jwasslu sa aktar minn 125 sena priġunerija. Madankollu, il-Pulizija Maltija ħaslet idejha mill-każ għax qalet li l-investigazzjonijiet se jkunu qed jitmexxew mill-Istati Uniti.