Għal aktar minn 100 tifel u tifla, Sibt il-Għid din is-sena kien wieħed b’differenza hekk kif ingħaqdu ma’ BirdLife Malta għal ġurnata fin-natura mimlija attivitajiet ta’ divertiment. L-avveniment annwali Easter Egg-Citement sar nhar is-Sibt li għadda fir-Riserva Naturali tas-Simar b’ammont rekord ta’ parteċipanti.
BirdLife Malta żiedet ukoll in-numru ta’ attivitajiet li jiġu organizzati tul din il-ġurnata biex tilqa’ għall-interess qawwi li kien hemm u żżomm lit-tfal kollha kuntenti. L-attività, li kienet ilha fully-booked minn ġimgħat qabel, kienet tinkludi Easter egg hunt flimkien ma’ attivitajiet oħrajn mifruxin madwar ir-riserva bħal arti u crafts marbutin mat-tema tan-natura bl-iskop li joħorġu l-kreattività tat-tfal waqt li fl-istess ħin jġegħluhom iħaddmu ftit moħħhom.
Grazzi għat-tim ta’ Birdlife fir-riservi, dak tal-attivitajiet u dak tal-edukazzjoni, it-tfal ingħataw ukoll l-opportunità li jippruvaw ftit birdwatching minn ġol-hides tarriserva tas-Simar u anke jgawdu dimostrazzjonijiet ta’ bird ringing li tmexxew mir-ringers kwalifikati ta’ BirdLife Malta.
Il-parteċipanti żgħar mimlijin entużjażmu tgħallmu għaliex l-għasafar jibnu l-bejtiet tagħhom bil-mod kif jibnuhom u x’materjal jużaw, kif ukoll dwar id-daqs differenti tal-bajd tal-għasafar u l-kuluri varjati tagħhom. L-Easter Egg-Citement ta’ BirdLife Malta hi waħda mill-aktar attivitajiet li jkunu mistennija kull sena u din is-sena ma kinitx eċċezzjoni.
//= $special ?>