Futbol Sport

CHAMPIONS LEAGUE: Juventus u Real jiltaqgħu 10 xhur wara

10 xhur wara Real Madrid u Juventus se jerġgħu jiltaqgħu, din id-darba mhux f’finali imma fil-kwarti tal-finali.

Bejn illum u għada jintlagħbu l-ewwel legs tal-fażi tal-kwarti tal-finali taċ-Champions League u llum tispikka l-aktar il-logħba f’Turin bejn Juventus u Real Madrid, logħba li hi ripetizzjoni tal-finali tal-istaġun li għadda.

Dakinhar Real kienu rebħu 4-1. Sal-ewwel taqsima wieħed jiftakar kif il-konfront kien wieħed bilanċjat imma fit-tieni taqsima l-Bianconeri ċedew għall-qawwa tal-Merengues. Illejla Juventus se jfittxu li jpattu għal dim it-telfa u jittamaw f’riżultat pożittiv biex fit-tieni leg fil-Bernabeu jibdew b’ċans tajjeb li jgħaddu.

Fi tmiem il-ġimgħa ż-żewġ timijiet kisbu rebħiet fil-kampjonat. Juventus, li huma liders tas-Serie A kabbru l-vantaġġ tagħhom fil-kampjonat għal erba’ punti fuq l-eqreb rivali tagħhom Napoli wara li rebħu 3-1 kontra Milan.

L-uniku dispjaċir li għandhom hu li ġew imċaħħda milli jwaqqfu rekord fl-istorja tal-kampjonat Taljan. Sa qabel il-logħba kienu kisbu 10 clean sheets konsekuttivi imma sofrew gowl fl-ewwel taqsima, liema gowl iżda ma kienx kruċjali fir-riżultat aħħari.

Minn naħa tagħhom Real Madrid kellhom konfront aktar faċli hekk kif rebħu 3-0 barra minn darhom kontra Las Palmas. L-eroj tal-partita kien Gareth Bale li skurja doppjetta fin-nuqqas ta’ Ronaldo li straħ.
Il-plejer ta’ Real Ronaldo hu bla dubju theddida kbira għal Juventus u fil-ħames partiti li lagħab kontrihom dejjem skurja.

Il-winger Portugiż sab ix-xibka seba’ darbiet kontra t-tim Taljan.
Filwaqt li Juventus tilfu l-finali kontra Real Madrid ir-rekord tagħhom kontra l-Merengues fiċ-Champions League hu wieħed li bla dubju jimlihom b’fiduċja għall-konfront tal-lejla.

Mill-aħħar erba’ darbiet li dawn it-tnejn iltaqgħu fuq żewġ legs Juventus dejjem ħarġu rebbieħa.

Juventus huma wkoll l-aħħar tim li elimina lil Real Madrid fis-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni (fl-2015). L-aħħar darba li Real eliminaw lil Juventus miċ-Champions League kien lura fl-istaġun 1986/87.
Biex waslu s’hawn Juventus eliminaw lil Tottenham fil-fażi preċedenti filwaqt li Real eliminaw lil PSG.
Juventus se jkollhom lil Benatia u lil Pjanic sospiżi.

Il-kowċ ta’ Real Madrid Zinedine Zidane ammetta li ma xtaqx jilgħab kontra l-ekstim tiegħu f’din il-fażi tal-kompetizzjoni. “Jien lgħabt ma’ Juventus għal ħames snin u huma klabb importanti f’ħajti u onestament xtaqt li ma niġix kontrihom mal-aħħar tmienja,” beda billi qal Zidane.

Dan tal-aħħar kompla billi qal li la darba jasal il-jum tal-partita se jinsa l-passat u jwarrab l-emozzjonijiet. “Il-konfront se jkun wieħed bilanċjat u kull tim għandu l-istess possibbiltà li jikkwalifika għall-fażi li jmiss. Importanti ħafna li fl-ewwel leg barra minn darna niksbu riżultat tajjeb,” temm jgħid Zidane.

Jippruvaw ikomplu jissorprendu
Meta aktar kmieni dan ix-xahar ittellgħu l-poloz ta’ din il-fażi taċ-Champions League, ħafna ħasbu li Bayern Munich se jkollhom biċċa xogħol faċli hekk kif se jkunu qed jilagħbu kontra Sevilla. Madankollu t-tim immexxi minn Vincenzo Montella qed juri li m’hu se jħalli lil ħadd jumiljah u minbarra li fir-rawnd preċedenti eliminaw lil Manchester Utd b’rebħa f’Old Trafford, fi tmiem il-ġimgħa żammew lil Barcelona fi draw ta’ 2-2 f’partita mill-kampjonat Spanjol.

Ta’ min jinnota li Sevilla kienu 2-0 minn fuq imma ma għarfux jiddefendu l-vantaġġ li kellhom iżda xorta waħda wieħed irid ifaħħar il-wirja ta’ Sevilla li qegħdin fis-sitt post tal-klassifika.
Il-kowċ ta’ Bayern Munich Jupp Heynckes naqas milli jammetti li t-tim tiegħu se jibda bħala favorit meta jilgħab kontra Sevilla.

F’kummenti li ta Heynckes qal li hu jaf sew lil Sevilla u jaf li mhux se tkun faċli biex jirbħu kontrihom. “Ma rridux ninsew li Sevilla huma tim li għal tliet snin konsekuttivi rebaħ l-Europa League. Sa minn meta bidlu l-kowċ id-difiża tagħhom tjiebet ħafna u meta se nilagħbu kontrihom fi Spanja se nkunu qed nilagħbu fi grawnd diffiċli.”

Sevilla se jilagħbu l-ewwel leg f’darhom u b’hekk se jipprovaw jerġgħu jagħmlu minn kollox biex tal-anqas ma jsofru l-ebda gowl biex b’hekk fit-tieni leg kull gowl li jiskurjaw ikun ferm kruċjali, bħal ma fil-fatt seħħ meta dawn eliminaw lil Man Utd. Dakinhar huma ħadu draw ta’ 0-0 fi Spanja u f’Old Trafford rebħu 2-1.

Minn naħa tagħhom Bayern ukoll se jkollhom il-morall għoli wara li nhar is-Sibt rebħu 6-0 kontra Borussia Dortmund bl-eroj ikun Lewandowski li skurja tliet gowls. Bayern huma kważi ċert mir-rebħ tal-Bundesliga u b’hekk issa jistgħu jitfgħu l-attenzjoni kważi kollha tagħhom fuq iċ-Champions League, kompetizzjoni li ilhom ma jirbħu proprju sa minn meta kienu taħt it-tmexxija tal-istess Jupp Heynckes li jinsab fit-tieni esperjenza magħhom.

Minkejja l-qawwa tagħhom, ħarsa lejn l-istatistika turi li Bayern tilfu l-aħħar ħames partiti li lagħbu fi Spanja imma din se tkun l-ewwel darba li se jilagħbu kontra Sevilla fiċ-Champions League.
Minn naħa tagħhom Sevilla rebħu seba’ darbiet u ġew draw erba’ darbiet kontra avversarji Ġermaniżi f’din il-kompetizzjoni imma ilhom ma jkunu fil-kwarti tal-finali sa mill-1958.
Sevilla se jkollhom lil Banega sospiż.

Il-Programm
Illum

Juventus v R.Madrid
Sevilla v B.Munich