Futbol Sport

Champions League: Ronaldo u Real Madrid jerġgħu jikkastigaw lil Juventus

Wara li 10 xhur ilu skurja doppjetta kontrihom fil-finali taċ-Champions League, Cristiano Ronaldo reġa’ kien l-eroj ta’ Real Madrid hekk kif skurja żewġ gowls oħra kontra Juventus biex għen lil Real jirbħu 3-0 lit-tim tiegħu fl-ewwel leg tal-kwarti tal-finali taċ-Champions League.

Bla dubju din ir-rebħa issa tpoġġi lil Real favoriti li jgħaddu għas-semifinali hekk kif għad iridu jilagħbu t-tieni leg fi Spanja. Ir-rebħa tal-holders kienet waħda meritata u Juventus ftit kellhom ċansijiet ta’ skor għax l-avversarji tagħhom gawdew ħafna mill-pusess tal-ballun.

Wara biss tliet minuti Real marru fil-vantaġġ meta Isco għadda ballun lil RONALDO antiċipa lid-difensuri u ħasad lil Buffon f’butt fil-baxx. B’dan il-gowl Ronaldo waqqaf rekord fiċ-Champions League hekk kif sar l-ewwel plejer li skurja f’10 partiti konsekuttivi ta’ din il-kompetizzjoni. Hu kiser ir-rekord ta’ Ruud van Nistelrooy li fl-istaġun 2002-03 kien skurja f’disa’ partiti nfila.

Għal Ronaldo dan kien il-118-il gowl fiċ-Champions League u t-tmien wieħed kontra Juventus.

Kien fit-23 meta waslet l-ewwel reazzjoni denja ta’ Juventus imma l-gowlkiper Navas għamel save kbir fuq Higuain. 13-il minuta wara Real kienu sfortunati meta Kroos laqat il-lasta b’xutt minn barra l-kaxxa u fl-64 minuta wasal il-gowl li ssiġilla l-konfront.

F’azzjoni li dehret se tisfaxxa fix-xejn, Carvajal tefa’ cross lejn RONALDO li bi klassi kbira skurja b’rovexxata li ħalliet lil Buffon iħares u li wasslet biex anke l-partitarji kollha ta’ Juventus preżenti fil-grawnd qamu jċapċpu. Dan il-ġest fakkar lil ħafna f’meta fl-2008 partitarji ta’ Real Madrid qamu jċapċpu lill-eksplejer leġġendarju ta’ Juventus Del Piero li kien għadu kemm skurja free kick mill-isbaħ fil-Bernabeu.

Kollox kompla ġej ħażin għal Juventus meta fis-66 minuta tkeċċa Dybala li nwtera t-tieni karta safra u fit-72 minuta MARCELO għamilhom tlieta meta skurja billi qabbeż il-ballun minn fuq Buffon. Lejn it-tmiem Kovacic laqat il-lasta għal Real.


Bayern b’rimonta fi Spanja

Bayern Munich wettqu rimonta fi Spanja biex rebħu 2-1 kontra Sevilla biex b’hekk se jibdew b’vantaġġ tajjeb fit-tieni leg fil-Ġermanja. Wara 32 minuta Sevilla ħasdu lil Bayern meta marru fil-vantaġġ.

Kien il-midfielder SARABIA li sab ix-xibka ftit minuti wara li kien għadu kemm tilef ċans kbir. Madankollu Sevilla ma għarfux jiddefendu l-vantaġġ li kellhom u fit-37 minuta Bayern ġabu d-draw meta Ribery tefa’ cross bil-ballun jaħbat ma’ sieq Navas qabel jispiċċa fix-xibka.

Kien fit-68 minuta meta Bayern marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ u reġa’ kien Ribery li beda l-azzjoni hekk kif tefa’ cross li din id-darba sab lil ALCANTARA li ma żbaljax.