Għal snin twal il-familja ta’ Robert Spiteri ħadmet bla heda għall-Partit Laburista, tant li fuq idu, l-ewwel ħaġa li urieni malli ltqajna, kienet l-arma tal-Partit Laburista. Iżda mill-ewwel għamilieli ċara li mhix se ddum hemm, għax għandu appuntament biex iħassarha wara li l-partit tiegħu stess ittradieh u warrbu.
Missier Robert, li llum ħalliena, saħansitra kien warrab xogħolu biex iħarreġ b’mod volontarju lill-Pom Pom Girls tal-Partit Laburista, li fil-passat kienu żeffiena magħżula u mħarrġa mill-partit u li kienu jieħdu sehem fl-attivitajiet Laburisti.
Robert stess qatta’ snin jaħdem għall-partit li tant kien iħobb, u saħansitra kien wieħed mill-canvassers ta’ Jose’ Herrera fl-aħħar elezzjonijiet ġenerali, li wasslu biex dan ġie konfermat bħala membru parlamentari.
Iżda wara li fl-aħħar snin Spiteri ammetta reat kriminali u serva s-sentenza tiegħu, sab li l-istess żball li għamel kien l-iskuża tal-partit tiegħu stess biex jitwarrab u ma jingħatax ix-xogħol.
“F’Diċembru ħriġt minn sitt snin u nofs ħabs, mort għand Herrera biex insib naħdem u l-aħħar li kellimtu qalli li jekk irrid insawtu, nista’ nsawtu għaliex ma jistax isibli xogħol għalissa.”
Minkejja dan intbagħat għal interview ma’ konsorzju lokali, fi Frar li għadda, iżda qal li ma sema’ xejn iżjed minn dakinhar. Mar mill-ġdid għand Herrera, iżda qallu li għandu l-kondotta maħmuġa u se jkun diffiċli.
“Lili qed jitolbu l-kondotta? Hemm biżibilju nies jaħdmu fl-istess post u li għandhom il-kondotta maħmuġa. Lili qed jitlobha l-kondotta, wara tant għamilna għalih?”
Saħansitra sfida lil min irid biex itellgħu l-Qorti u jiftaħlu libell meta tkellem magħna dwar il-kundizzjoni tal-ħabsin.
“Jaħdmu għal €18-il fix-xahar. Hemm nies hemm li lanqas għandhom biex ipejpu u kont tarahhom jiġbru l-loqom tas-sigaretti mill-art. Mela bi 18-il fix-xahar xi tridom jagħmlu? Ma jiħodomx hu l-Prim Ministru, €18-il ewro fix-xahar.”
Għall-kuntrarju ta’ dan, ftit tal-jiem ilu, rapport fuq One News ikkwota lil Michael Farrugia, illum Ministru tal-Intern, jgħid li l-Gvern qed jaħdem biex jinstab xogħol lil kull min ikun ħiereġ mill-ħabs.
Mhux biss l-istorja ta’ Spiteri tixhed il-kontra, anzi jgħid li l-priġunieri saħansitra lanqas tħallew ikellmuh meta żar il-ħabs.
Mhux hekk biss, iżda saħansitra qalilna kif tliet snin mill-mewt tal-ġenituri tiegħu, l-awtoritajiet għadom ma qalbux f’ismu post tal-Gvern li kien f’isimhom.
//= $special ?>