Is-superviżur bankarju jirriżenja wara 15-il sena
Karol Gabaretta, direttur tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji għal dawn l-aħħar 15-il sena, irriżenja fil-ġimgħat li għaddew. Hu kien responsabbli mill-Unit li jagħmel is-superviżjonijiet fuq l-entitajiet li jaqgħu taħt l-MFSA, inkluż il-banek.
Din l-aħbar ġiet żvelata minn The Times, hekk kif bħalissa, l-MFSA tinsab taħt pressjoni biex tneħħi l-liċenzja tal-Bank Pilatus wara li ċ-Chairman tal-Bank Ali Sadr Hasheminejad ġie arrestat fl-Istati Uniti.
Meta kien mistoqsi dwar jekk ir-riżenja tiegħu hix marbuta ma’ dak li qed iseħħ fil-Bank Pilatus, Karol Gabaretta qal li kien wasal iż-żmien li jkompli bil-karriera tiegħu.
Karol Gabaretta rriżenja mill-kariga fit-18 ta’ Jannar li għadda, fl-istess ġurnata li l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa bagħat ittra lill-Bank Ċentrali Ewropew li fiha għadda provi li l-Bank Pilatus intuża għall-ħasil tal-flus.
Bħalissa, l-MFSA tinsab ukoll taħt pressjoni biex tispjega minn fejn Hasheminejad ġab it-€8 miljuni biex seta’ fetaħ il-Bank Pilatus. Fil-fatt, skont dokumenti pubbliċi tal-istess MFSA, jidher li dawn il-miljuni ġew depożitati f’Diċembru 2013 – tmien xhur wara li Joseph Muscat sar Prim Ministru.
Il-ġimgħa li għaddiet, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia staqsa jekk saritx pressjoni fuq il-Bank of Valletta biex dan joffri servizzi lill-Bank Pilatus.
//= $special ?>