Lokali

Kisser il-vażetti bil-fjuri u x-xemgħat ta’ quddiem il-Madonna fil-Marsa

Niċċa tal-Madonna li tinsab fi Triq Diċembru 13 ġiet ivvandalizzata kmieni t-Tlieta filgħodu.

In-niċċa, li hija mdawra bil-kameras tas-sigurtà, ġiet ivvandalizzata minn raġel li n-nazzjonalità tiegħu għadha mhix magħrufa.

Ir-raġel mar fuq il-post għal ħabta tas-siegħa u kwart ta’ filgħodu fejn kisser vażetti tal-ħġieġ bil-fjuri li kien hemm quddiem l-istatwa tal-Madonna. Hu magħruf ukoll li rema u xerred ix-xemgħat.

Membri tal-Protezzjoni Ċivili marru fuq il-post fejn nadfu l-ħġieġ li kien hemm fil-madwar.

Iktar kmieni dalgħodu, xi persuni marru fuq il-post fejn reġgħu poġġew xemgħat u vażetti bil-fjuri quddiem il-Madonna.