Lokali

Pilatus Bank jitkeċċa mill-Malta Bankers’ Association

MILL-ARKIVJI Magna tal-ħasil quddiem il-bieb prinċipali tal-binja li fiha hemm Pilatus Bank
L-MBA itterminat is-sħubija ta' Pilatus b'mod immedjat

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, il-Malta Bankers’ Association esprimiet it-tħassib tagħha dwar l-avvenimenti li seħħew fl-aħħar ġimgħat wara l-arrest fl-Istati Uniti tas-sid tal-bank Pilatus.

Il-Board tal-istess Assoċjazzjoni ikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu u ħabbar li fiċ-ċirkustanzi, is-sħubija ta’ Pilatus fl-istess Assoċjazzjoni għandha tkun terminata. Dan se jsir b’effett immedjat.

Il-ġimgħa li għaddiet, is-sid ta’ tal-bank Pilatus tressaq il-Qorti fl-Amerika akkużat li evada sanzjonijiet tal-Istati Uniti u li għadda $115 miljun lil kumpanija Iranjana. Hu deher quddiem l-Imħallef Barbara Moses f’Manhattan.

Ali Sadr Hasheminejad wieġeb mhux ħati tal-akkużi, hekk kif qed jiffaċċja aktar minn 125 sena priġunerija.

L-Imħallef fl-Istati Uniti ma laqgħetx it-talba ta’ Sadr għal ħelsien mill-arrest minħabba l-flus kbar u l-konnessjonijiet li għandu s-sid ta’ Pilatus. Hi qalet li jkun hemm risjku kbir li jekk jinħeles mill-arrest, dan jaħrab.