Tard ilbieraħ filgħaxija għal ħabta ta’ nofsillejl, il-Pulizija ġiet infurmata mill-Isptar Mater Dei li kienet iddaħlet persuna wara li aktar kmieni kien intlaqat minn vettura fi Triq San Vinċenz, fil-Ħamrun.
Minn investigazzjonijiet preliminari mill-Pulizija tad-Distrett irriżulta li ġuvni ta’ 27 sena, residenti l-Ħamrun kien sofra xi ġrieħi wara li allegatament intlaqat minn vettura tal-għamla Hyundai Getz misjuqa minn tfajla ta’ 20 sena residenti l-Ħamrun. Sorsi qed jindikaw li din it-tfajla hi s-sieħba tal-ġuvni, u li t-tnejn kellhom argument bejniethom.
Il-vittma ttieħed il-Poliklinika tal-Furjana fejn min hemm ittieħed permezz t’Ambulanza lejn l-Isptar Mater Dei u kien iċċertifikat li sofra minn ġrieħi serji.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.
//= $special ?>