Kultura Lokali Mużika

FILMAT: Tittella’ t-tieni edizzjoni tal-Festival Malti tal-Kunċertina

It-tieni edizzjoni tal-Festival Malti tal-Kunċertina qed tittella’ bejn it-Tlieta 3 u l-Erbgħa 4 t’April ġewwa l-lukanda Corinthia Palace f’Ħ’Attard. L-edizzjoni ta’ din is-sena hija mtella’ mill-banda tal-kunċertini Santa Maria flimkien mal-Fondazzjoni Valletta18.

Ġiet mistedna orkestra Ġermaniża tal-kunċertini minn Ketzin, bl-isem ta’ Akki-Harmonists, komposta minn 60 mużiċist fuq il-kunċertina fejn huma tellgħu programm mużikali taħt id-direzzjoni tas-Surmast Ellen Fiest. Din l-orkestra daqqet f’bosta pajjiżi Ewropej bħad-Danimarka, Spanja, Franza u issa kien imiss lil Malta. Huma esegwixxew għadd ta’ bċejjeċ mużikali bħall-Also Sprach Zarathustra ta’ Richard Strauss, it-Tieni Valz ta’ Shostakovich u Tale As Old As Time mill-film Beauty & the Beast.

Fil-festival ħadu sehem bosta solisti Maltin u barranin fuq il-kunċertina li esegwixxew xogħolijiet popolari minn Malta u madwar id-dinja.

Il-festival għalaq b’kunċert mill-organizzaturi stess, il-banda tal-kunċertini Santa Maria mmexxija mis-Surmast Marthese Busuttil Cassar. Din il-banda, l-unika tax-xorta tagħha f’pajjiżna preżentament, twaqqfet fl-1992 u s-sena l-oħra daqqet fit-Teatro Comunale “Mario Dell Monaco” fi Treviso, l-Italja, fl-okkażjoni tal-25 sena mit-twaqqif tagħha. Fost il-mużika li din il-banda esegwixxiet, insibu Libertango ta’ Astor Piazzola, Halleluljah ta’ Leonard Cohen mas-Sopran Marita Bezzina u għalqu bil-Conquest of Paradise ta’ Vangelis flimkien mal-orkestra Ġermaniża.

(Ritratti: Matthew Tabone)