Futbol Sport

Guardiola determinat li jimmarka dan l-istaġun bit-timbru tiegħu

(Ritratt: EPA)
Barcelona kontra Roma se tkun sfida interessanti

Illejla jkomplu jintlagħbu l-ewwel legs tal-fażi tal-kwarti tal-finali taċ-Champions League hekk kif Barcelona jilqgħu f’darhom lil Roma u Liverpool jilagħbu kontra tim Ingliż ieħor, dak ta’ Manchester City.

Liverpool se jibdew billi jilagħbu l-ewwel leg f’darhom kontra Manchester City u r-rekord tagħhom kontrihom hu wieħed ferm pożittiv. Dan l-istaġun City tilfu 4-3 kontra Liverpool fl-uniku telfa li sofrew sa issa fil-Premiership u barra minn hekk, mill-31 logħba li ntlagħbu f’Anfield bejn Liverpool u Man City, is-Citizens rebħu biss f’Mejju tal-2003.

Madankollu ta’ min jinnota wkoll li f’Settembru li għadda, fl-ewwel rawnd tal-Premiership, Man City kienu rebħu 5-0 kontra Liverpool fl-Etihad Stadium.

“Dan l-istaġun il-logħba f’Anfield kienet waħda bilanċjata u ninsab ċert li aħna tim li huma ma jieħdux gost jilagħbu kontrih. Huma wieħed mill-aqwa timijiet li fadal fil-kompetizzjoni imma aħna nafuhom sew bħal ma huma jafuna sew,” qal il-manager ta’ Liverpool Klopp dwar il-konfront kontra City.

Fi tmiem il-ġimgħa Liverpool rebħu 2-1 barra minn darhom kontra Crystal Palace filwaqt li Manchester City rebħu 3-1 kontra Everton biex issa jinsabu punt ‘il bogħod milli jaċċertaw mir-rebħ tat-titlu.
B’hekk, jekk City jiksbu riżultat tajjeb f’Anfield u nhar is-Sibt li ġej jirbħu kontra Man Utd dawn ikunu jistgħu jitfgħu l-attenzjoni kollha tagħhom fuq it-tieni leg fl-Etihad Stadium.

Ta’ min jinnota li Manchester City u Liverpool huma l-aktar żewġ timijiet li skurjaw gowls fil-Premiership dan l-istaġun (85 u 73 rispettivament) u dan jawgura anke għal konfront eċċitanti. Man City u Liverpool qatt ma ltaqgħu kontra xulxin f’kompetizzjoni tal-UEFA. Sterling u Milner se jkunu qed jilagħbu kontra l-ekstimijiet tagħhom.

Jerġgħu jiltaqgħu wara tliet snin

Fil-partita l-oħra Roma jilagħbu barra minn darhom kontra Barcelona.

Skont il-kowċ ta’ Roma Di Francesco, it-tim tiegħu se jkun qed jilgħab kontra ‘l-aqwa tim fid-dinja bl-aqwa plejer fid-dinja’ hekk kif jaffronta lil Barcelona. Roma jinsabu f’din il-fażi wara nuqqas ta’ 10 snin u Di Francesco qal li l-fatt li Roma waslu sa hawn hu diġa’ suċċess fih innifsu.

Il-plejers ta’ Roma jiċċelebraw mal-partitarji tagħhom wara r-rebħa fuq Qarabag (Ritratt: EPA)

Tliet snin ilu Barcelona kienu umiljaw lil Roma meta rebħulhom 6-1 f’logħba mill-fażi tal-gruppi imma jidher li din id-darba l-istorja se tkun differenti hekk kif Barcelona se jilagħbu kontra t-tim li spiċċa fl-ewwel post ta’ grupp li fih kien hemm timijiet bħal ma huma Chelsea u Atletico Madrid.
Filwaqt li fi Spanja Barcelona kienu rebħu 6-1, fl-ewwel logħba fl-Italja Roma kienu kisbu draw ta’ 1-1 meta dakinhar Florenzi kien skurja gowl mill-isbaħ minn kważi nofs il-grawnd.

Fi tmiem il-ġimgħa kemm Roma kif ukoll Barcelona ġew draw. Roma ġew draw 1-1 barra minn darhom kontra Bologna filwaqt li Barcelona skurjaw żewġ gowls fl-aħħar żewġ minuti biex salvaw draw ta’ 2-2 barra minn darhom kontra Sevilla.

Bla dubju l-akbar theddida għal Roma se jkun is-solitu Lionel Messi li f’19-il logħba li lagħab kontra timijiet Taljani skurja 12-il gowl.

Ta’ min jinnota li filwaqt li Barcelona waslu sal-kwarti tal-finali għal 11-il sena nfila, fl-aħħar żewġ staġuni sfaw eliminati proprju f’din il-fażi. B’hekk it-tim immexxi minn Valverde se jkun qed jagħmel dak kollu possibbli biex din id-darba ma jitlifx il-logħba kontra Roma biex ikompli bi triqtu lejn il-finali li se ssir fi Kiev.