Il-pellegrinaġġ ta’ San Girgor li jsir fl-ewwel Erbgħa fuq Ħadd il-Għid imur lura għal sekli sħaħ hekk kif iċ-ċelebrazzjoni ddokumentata li saret fl-1543 u ngħata x’jifhem li kienet issir ħafna qabel dakinhar. Hemm min jgħid li kienet issir b’wegħda biex tintemm xi traġedja bħal pesta jew qirda tal-uċuħ tar-raba’, jew ringrazzjament għax maltempata tkun ħarbtet xi flotta furbana milli tattakka lill-Gżejjer Maltin.
Għalkemm dari kienu jieħdu sehem iktar minn 12-il parroċċa f’dan il-pellegrinaġġ mill-Imdina saż-Żejtun, illum dan il-Pellegrinaġġ isir fiż-Żejtun stess u jieħu sehem l-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna, mal-Kapitlu Metropolitan, l-Arċipriet u l-Kleru taż-Żejtun u l-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat.
Il-Pellegrinaġġ din is-sena beda fid-9.30 ta’ filgħodu mill-Kappella ta’ San Klement lejn il-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina fejn tkanta il-Miserere. Wara l-Pellegrinaġġ ssokta lejn Triq San Girgor sal-Knisja Parrokkjali l-Antika ta’ Santa Katarina, magħrufa popolarment bħala ta’ San Girgor, u kien akkumpanjat mill-In Guardia, li tirrapreżenta l-parti reliġjuża tal-Ordni ta’ San Ġwann, fuq quddiem tal-Pellegrinaġġ.
Wara quddiesa letta fl-istess knisja li għaliha attenda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, bosta tfal lagħbu logħob tradizzjonali Malti fuq iz-zuntier bħall-passju, żibeġ u l-boċċi u wieħed seta’ jixtri bosta ikel u affarijiet t’artiġġjanat Malti.
Hawn ġie varat l-20 edizzjoni ta’ Għanafest, festival li jiċċelebra l-mużika u l-kant tradizzjonali Malti u barrani u dawk l-artisti Maltin li jipproduċu mużika Maltija. Din is-sena l-festival se jmur lura fil-post li oriġinarjament kien jittella’, il-Ġnien Botaniku tal-Argotti, nhar il-Ġimgħa 22 u s-Sibt 23 ta’ Ġunju.
(Ritratti: Martin Agius)
//= $special ?>