Ambjent Lokali

Approvat żvilupp ta’ lukanda f’Wied Għomor

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-bini ta’ lukanda f’forma ta’ guesthouse f’żona bejn is-Swieqi u San Ġiljan.
L-approvazzjoni waslet minkejja li fil-laqgħa preċedenti tal-Planning Commission kienet ittieħdet pożizzjoni kontra. Jidher iżda l-pożizzjoni inbidlet meta llum kien hemm preżenti ċ-chairperson Elizabeth Ellul.
Dan il-proġett ifisser li fil-prattika se jkun qed isir żvilupp f’Wied Għomor. Oriġinarjament, il-Planning Commission kienet iddikjarat li din il-lukanda ta’ 23 kamra kienet tmur kontra l-policies tal-ippjanar, u kellha tiġi rifjutata.

Ironikament id-deċiżjoni ttiħdet l-għada li Joseph Muscat, fuq Facebook, ħareġ b’filmat fejn fost l-oħrajn jiftaħar li l-Gvern salva Wied Għomor.

Is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat stqarr magħna li l-Kunsill mhux jaċċetta li jsir dan l-iżvilupp f’Wied Għomor. Net News hu nfurmat li hemm possibilta’ li l-Kunsill jappella minn din id-deċiżjoni. Anke sal-lum stess, kien hemm diversi persuni fil-laqgħa li kienu qed joġġezzjonaw għal din il-lukanda.
Iz-zona fejn se jsir il-bini tinsab bejn it-Tiguglio u l-pont Manwel Dimech. Fiz-zona sal-lum hemm garaxx ta’ 60 metru kwadru.