Futbol Sport

CHAMPIONS LEAGUE: Barcelona u Liverpool b’sieq fil-fażi li jmiss

B’wirja kbira speċjalment fl-ewwel taqsima Liverpool għelbu lil Manchester City 3-0 fl-ewwel leg tal-kwartifinali tal-UEFA Champions League, biex għamlu pass verament importanti lejn post fis-semifinali.
Issa se tkun biċċa xogħol verament diffiċli għat-tim ta’ Pep Guardiola li jipprova jikkanċella dan ir-riżultat ġimgħa oħra f’Manchester.

Liverpool kellhom bidu mpressjonanti fejn fl-ewwel taqsima ġabu fix-xejn lit-tim li ddomina l-istaġun fl-Ingilterra din is-sena, tin li jista’ jirbaħ it-titlu fi tmiem il-ġimgħa.

Kien is-solitu Mohamed Salah li fetaħ l-iskor fit-12-il minuta b’xutt mill-viċin biex temm azzjoni mibdija minnhu stess u li ma kinitx imwaqqfa minn Walker.

Fil-21 minuta Liverpool irdoppjaw b’xutt bomba tal-eks plejer ta’ Arsenal Oxlade-Chamberlain.
Fil-31 minuta t-trijonf ta’ Liverpool kien komplu meta minn kross ta’ Salah kien Sadio Mane li bir-ras xeħet fix-xibka.

Fit-tieni taqsima Liverpool ma setgħux iżommu dak ir-ritmu u kellhom jiddefendu għal ħinijiet twal, hekk kif Manchester City wettqu attakk wara l-iħeor biex jippruvaw jiskorjaw gowl li kien jiswa mitqlu deheb.
Iżda minkejja dawn l-attakk Liverpool żammew sod fid-difiża biex issa jieħdu Manchester dan il-vantaġġ ferm importanti.

Rebħa kbira ta’ Barcelona
Wirja tajba u qalbiena minn Roma ma kinitx biżżejjed għalihom biex joħorġu b’riżultat aħjar mill-Camp Nou kontra Barcelona, li minkejja li ma tawx waħda mill-aħjar wirjiet tagħhom, xorta waħda kisbu riżultat pożittiv ta’ 4-1, riżultat li prattikament ipoġġi lill-Katalani fis-semifinali.

Roma ikkontrollaw tajjeb lill-avversarji fl-ewwel taqsima fejn anki appellaw għal penalty, iżda kellhom ibaxxu rashom fit-38 minuta b’autogowl sfortunat ta’ De Rossi.

Biex tkompli tiġi ħażina għal Roma huma kkommettew awtogowl ieħor permezz ta’ Manolas fil-55 minuta.
Erba’ minuti wara kien Gerard Pique li skorja b’xutt mill-viċin wara li l-goalkeeper ta’ Roma kien salva parzjalment xutt ta’ Suarez.

Fit-80 minuta Roma skorjaw gowl importanti permezz ta’ Edin Dzeko, gowl li seta’ għamel ir-ritorn fl-Olimpico iktar interessanti, iżda tliet minuti mit-tmiem kien Luis Suarez li b’xutt fil-baxx temm azzjoni konfuża fil-kaxxa ta’ Roma biex skorja r-raba’ gowl tal-Katalani, gowl li prattikament għalaq il-logħba.
Issa għal Roma se tkun verament diffiċli li jiskojaw tliet darbiet fl-Olimpico mingħajr ma jsofru l-ebda gowl.