Ambjent Lokali

Differita deċiżjoni dwar pompa tal-petrol f’żona ODZ – l-Oppożizzjoni tivvota kontra

Il-protesta saret mill-Moviment Graffiti u qed twassal messaġġ ċar dwar il-qerda ta' art ODZ

Attivisti mill-Kamp Emerġenza Ambjent u l-Moviment Graffiti rnexxielhom għal xi ħin iwaqqfu laqgħa quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex tinbena pompa oħra tal-petrol barra miż-żona tal-iżvilupp.

Wara li daħlu għal-laqgħa, l-attivisti esebew diversi messaġġi kontra l-Awtorità tal-Ippjanar, li akkużawha li qed tgħaddi bħal gaffa minn fuq kulħadd.

It-talba tagħhom hi li għalissa dawn il-każi ma jinstemgħux sakemm ikun hemm il-bidla fil-policies kif imwegħda mill-Gvern.

Fil-preżent hemm 14-il applikazzjoni għal pompi tal-petrol f’żoni barra mill-iżvilupp, erbgħa minnhom approvati, għal total li skont l-attivisti hu ta’ ħames darbiet id-daqs tal-Fosos.

Id-deċiżjoni differita, bl-Oppożizzjoni tivvota kontra u titlob diskussjoni parlamentari urġenti

Il-laqgħa ġiet posposta bis-sitwazzjoni tibqa’ ma tissolviex lanqas malli ssejħu l-Pulizija, bil-konsegwenza li ttieħdet deċiżjoni li l-laqgħa tkompli f’parti oħra tal-binja.

Madankollu, u minkejja li l-laqgħa kienet waħda pubblika, l-attivisti ma tħallewx jidħlu b’diversi pulizija tad-distrett, l-RIU u uffiċjali tas-sigurtà tal-Awtorità jżommu l-gate magħluqa.

Iktar tard l-attivisti rrifjutaw l-offerta li jattendu sakemm ma jagħmlux storbju matul il-laqgħa.

“Għalina din hi emerġenza. Ħafna minnha għadna żgħar, oħrajn għandna t-tfal, u qed naraw pajjiżna jinqered biċċa biċċa. Qed naraw li t-tfal tagħna ma fadlilhomx fejn jieħdu nifs,” iddikjara Andre Callus, mill-Moviment Graffiti, quddiem il-gejt magħluqa tal-Awtorità tal-Ippjanar.

L-attivisti akkużaw ukoll lill-Gvern b’qerq għaliex qalu li t-tħabbira li l-policies se jinbidlu, u sadattant it-tkomplija tas-smiegħ u l-ħruġ tal-permessi għal iżjed pompi tal-petrol, saret biss biex min għandu japplika jagħmel dan mill-iktar fis possibbli.

Sadattant din il-laqgħa dwar l-iżvilupp ta’ pompa tal-petrol fil-limiti ta’ Ħal Luqa minflok dik eżistenti li għandu l-istess sid fi Triq Rue D’Argens, f’Tas-Sliema kellha tiġi differita.

Dan hekk kif kien hemm l-istess ammont ta’ voti favur daqs dawk kontra, bir-rappreżentanta tal-Oppożizzjoni, Marthese Portelli, tivvota kontra.

Sadattant il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, Jason Azzopardi, ħabbar li talab lis-Segretarju tal-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent biex il-kwistjoni tal-pompi tal-petrol tiġi diskussa b’urġenza fil-laqgħa li jmiss.

Iddikjara li issa hu evidenti li l-Gvern qed jipprova jirbaħ iżjed żmien sakemm kull applikazzjoni tiġi approvata.

Sadattant il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, Jason Azzopardi, ħabbar li talabar lis-Segretarju tal-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent biex il-kwistjoni tal-pompi tal-petrol tiġi diskussa b’urġenza fil-laqgħa li jmiss.

Iddikjara li issa hu evidenti li l-Gvern qed jipprova jirbaħ iżjed żmien sakemm kull applikazzjoni tiġi approvata.

Kamp Emerġenza Ambjent u Graffiti jirreaġixxu

Fi stqarrija, l-attivisti minn Kamp Emerġenza Ambjent flimkien mal-Moviment Graffitti ddikjaraw li din kienet azzjoni diretta non-vjolenti waqt laqgħa tal-Bord tal-Awtorita’ tal-Ippjanar.

Iddikjaraw li qegħdin jesiġu li l-ebda applikazzjoni għall-pompi tal-petrol fuq art ODZ m’għandha tiġi ipproċessata qabel ma tkun reveduta l-policy kif kien imwiegħed mill-Ministru tal-Ambjent. “Nemmnu li l-qerda ta’ din l-art kollha naturali jew agrikola għal proġetti enormi bħal dawn li jinkludu pompi tal-petrol, f’pajjiż fejn hemm l-akbar konċentrazzjoni ta’ bini fl-UE, huwa ġenn u għandha tieqaf immedjatament.”

Komplew li “l-ġustifikazzjoni tal-Awtorita’ tal-Ippjanar li l-Fuel Service Station Policy, li tippermetti pompi tal-petrol fuq art ODZ, tfasslet biex jiġu mneħħija l-pompi tal-petrol minn żoni urbani, hija biss skuża bażwija biex jiġi iġġustifikat l-attakk bla rażan fuq l-ambjent u l-kwalita’ tal-ħajja tagħna li qed iħaxxen il-bwiet ta’ erba’ min-nies. Nibdew biex, il-policy ma tippermettix biss iċ-ċaqliq ta’ pompi tal-petrol eżistenti, imma wkoll il-bini ta’ oħrajn ġodda. It-tieni nett, pompi tal-petrol li diġa jeżistu f’inħawi mibnija jistgħu jiġu rilokati f’’areas of containment’ li la jkunu urbani u lanqas art ODZ naturali jew agrikola. It-tielet, li dawn l-istrutturi jiġu msejħa pompi tal-petrol hija ħaġa qarrieqa għaliex fil-parti l-kbira tagħhom dawn huma ħwienet mhux pompi tal-petrol.”

Qalu wkoll li “apparti din il-Fuel Service Station Policy redikola, huwa ta’ tħassib li l-Bord qiegħed jinjora kompletament l-interessi ambjentali meta japprova dawn l-istrutturi.”

L-istqarrija tiddikjara wkoll li “l-fatt li l-PA qegħda tgħaddi qisha gaffa minn fuq l-interessi tal-poplu biex tintgħoġob minn klassi żgħira ta’ żviluppaturi qed toħloq emerġenza ambjentali f’pajjiżna li qegħda thedded il-futur tagħna fuq gżiritna. Minħabba l-PA, Malta qegħda tinbidel fi blata mifqugħa bil-bini, kerha u bla ħajja. Aħna ma nistgħux naċċettaw dan u ħa nibqgħu nagħmlu dawn l-azzjonijiet diretti non-vjolenti biex inwaqqfu din il-ġennata.”