Lokali

Diskriminazzjoni fil-pagi tal-eks ħaddiema tal-Enemalta

L-eks ħaddiema tqassmu f'dipartimenti oħra, u ngħataw sistema' ġdida ta' Scales li bihom se jitħallsu biex ma jikkumparawx il-pagi

Wara diversi snin li fihom il-pagi kienu kważi friżati minħabba nuqqas ta’ ftehim kollettiv, numru ta’ ħaddiema li kienu jaħdmu mal-Enemalta qegħdin isofru minn diskriminazzjoni fil-pagi. Fis-sena 2010, skada ftehim kollettiv mal-ħaddiema li kienu impjegati mal-Enemalta, u għalhekk tul is-snin kien biss iż-żieda tal-għoli tal-ħajja li kkumpensat ħarira miż-żieda.

Minn naħa l-oħra, l-ħaddiema impjegati mal-Gvern fl-Enemalta gawdew mill-ftehim kollettiv li sar bejn is-snin tal-2011 u l-2016, għal kuntrarju tal-ħaddiema li kienu mal-Enemalta. Wara l-ftehim kollettiv, il-ħaddiema li kienu impjegati mal-Enemalta għaddew għand kumpanija imsemmija Engineering Resources Limited  (ERL) u l-ħaddiema tqassmu f’setturi differenti.

Is-sena l-oħra saru żewġ ftehim kollettiv, wieħed mal-ħaddiema impjegati mal-Gvern u ieħor ma’ dawk li kienu mal-Enemalta. Pero meta wieħed iqabbel dawn iż-żewġ programmi ma’ xulxin jidher kuntrast fil-pagi li jaqilgħu żewġ ħaddiema ġejjin mill-entitajiet differenti u li huma fl-istess skala ta’ paga tal-Gvern. Jekk wieħed jikkumpara l-paga li jaqilgħu ħaddiema fi Scale 10 din is-sena, ħaddiem mal-Gvern jaqla’ massimu ta’ €23,274, filwaqt li l-impjegat fuq Scale 10 mal-ERL jaqla’ sa’ €19,549 – jiġifieri differenza ta’ kważi €3,000 f’sena.

Pero issa wkoll seħħ żvilupp ieħor, hekk kif dawn l-eks impjegati tal-Enemalta li tkellmu ma’ NET News, qalu li huma tqassmu f’dipartimenti oħra – u hemm min saħansitra tnaqqsitlu l-paga għax tpoġġa fi skala inqas milli kien qabel. Informazzjoni li waslet għand NET News tistqarr li nħolqot sistema’ parallela u differenti minn dik tal-iskali fil-pagi tal-Gvern fejn minflok issir klassifikazzjoni b’numri, inħolqot sistema ta’ klassfikar bl-ittri. Il-ħaddiema li tkellmu magħna qalu li b’hekk huma ma jkunux jistgħu jikkumparaw il-pagi tagħhom ma’ ħaddiema oħra tal-Gvern li qegħdin fl-istess dipartiment tagħhom.