Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

FUTBOL: Ibrahimovic jista’ jiġi mċaħħad milli jikkompeti fit-Tazza tad-Dinja

Ftit ġimgħat ilu l-attakkant Żvediż Zlatan Ibrahimovic ammetta li qed jitħajjar jilgħab fit-Tazza tad-Dinja li se ssir fi ftit xhur oħra fir-Russja imma mhux se jkun jista’ minħabba rabtiet li għandu ma’ kumpanija tal-gaming.

Jiem qabel Ibrahimovic ħalla lil Manchester Utd biex iffirma ma’ LA Galaxy hu kien għadu kemm iffirma kuntratt mal-kumpanija Żvediża Bethard li hi reġistrata f’Malta. Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn Regola 25 tal-FIFA din tgħid li persuni li jkollhom x’jaqsmu ma’ kumpaniji tal-logħob fuq l-isport ma jistgħux jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet tal-FIFA.

Ta’ min jiftakar li jiem qabel iffirma ma’ LA Galaxy kienet ħarġet aħbar li Ibrahimovic kien qed jirriskja sospensjon mill-Federazzjoni tal-Futbol fl-Ingilterra minħabba l-istess ftehim ma’ Bethard.

Skont siti tal-aħbarijiet internazzjonali, la Zlatan Ibrahimović u lanqas BetHard ma talbu l-permess tal-FA Ingliża qabel ġie ffirmat kuntratt ta’ 8.7 miljun dollaru biex isir testimonial tal-kumpanija Maltija.

Minkejja dan, il-plejer Żvediż tħabbar fuq is-sit ta’ BetHard sakemm qamet kontroversja u l-kumpanija neħħiet dan l-avviż. Is-sit saħansitra mar offline għal xi ħin immedjatament wara li saret din it-tħabbira.

L-iżvilupp seħħ wara li s-sena li għaddiet BetHard kisbet ukoll liċenzja biex tibda topera fir-Renju Unit, b’Zlatan Ibrahimović li hu l-aqwa testimonial li jista’ jkollha l-kumpanija hekk kif il-maġġoranza tal-klijenti huma Żvediżi.

Riċentament Ibrahimovic Żvediż ammetta li qed iħoss in-nuqqas tat-tim nazzjonali. Ibrahimovic kien irtira minn man-nazzjonal wara li ntemm il-Kampjonat Ewropew tal-2016.
Minn dakinhar ‘l hawn hu xorta waħda baqa’ juri logħob pożittiv imma sena ilu weġġa’ serjament irkopptu u kellu jkun operat.

Proprju fi tmiem il-ġimgħa Ibrahimovic kellu bidu mill-aqwa ma’ Los Angeles Galaxy fil-Major Soccer League wara li skorja doppjetta biex għen lit-tim tiegħu jikseb rebħa drammatika fuq Los Angeles FC.