Knisja Lokali

Ikkonsagrat mill-ġdid is-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu

Il-proġett tal-paviment imfaħħar minn kulħadd

Permezz ta’ ċelebrazzjoni apposta li saret ilbieraħ, ġiet uffiċjalment konsagrata l-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta.

Iċ-ċelebrazzjoni tmexxiet minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna.

Matul l-omelija tiegħu l-Arċisqof tkellem dwar l-importanza u s-simboliżmu ta’ dan it-tempju.

“Il-maqdes, iddedikat taħt it-titlu tal-Beata Verġni tal-Karmelu, titlu tant għażiż għalina l-Maltin u l-Għawdxin, huwa tifkira ħajja li Alla huwa magħna, li Alla huwa Għimmanu-El”, qal Mons. Scicluna.

“Aħna qed nikkonsagraw it-tnax-il kolonna li jżommu il-koppla maestuża ta’ dan it-tempju. Huma t-tnax-il kolonna li jfakkruna fit-tnax-il tribu ta’ Iżrael, ifakkruna fit-tnax-il appostlu tal-Mulej, ifakkruna fl-erbgħat irjieħat tad-dinja u fl-irjieħ minuri, ifakkruna li mill-qalba ta’ dan is-santwarju, mill-qalba ta’ din il-bażilika santwarju ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu, trid toħroġ qawwa ta’ devozzjoni li tfakkarna fil-kliem ta’ Marija: “Agħmlu kull ma jgħidilkom Ibni Ġesù” (ara Ġw 2, 5).”