F’kummenti lill-media aktar kmieni llum, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li l-Gvern kien mgħarraf minn qabel li se toħroġ din l-aħbar. Il-Ministru ġie mistoqsi dwar l-artiklu ppubblikat mis-sit tal-aħbarijiet internazzjonali Bloomberg, dwar kif il-bank HSBC għandu pjanijiet li jieqaf jopera f’Malta.
Għal din il-mistoqsija, il-Ministru wieġeb li l-Gvern se jkun qed isejjaħ għal diskussjonijiet mal-HSBC. Stqarr li rridu nħarsu lejn dan il-każ b’kawtela mill-lum ‘il quddiem, u nosservaw dak li jkun qed jiġri.
Filfatt, il-Ministru żvela li l-Uffiċju tal-Prim Ministru kien jaf minn qabel dwar dak li kien se jiġi ppubblikat minn Bloomberg, filwaqt li tenna li minkejja din l-aħbar hi biss spekulazzjoni – Bloomberg hu sit tal-aħbarijiet renomat u affidabbli.
“Ftit nista’ ngħid, għaliex naf daqs ħaddieħor. Hija spekulattiva, fis-sens illi jekk sar meeting – kif qed jirrapporta Bloomberg, li jien naħseb li hu affidabbli, u jista’ jkun li sar dan il-meeting. Pero garanzija li sar żgur, m’għandix”, tenna il-Ministru.
Mistoqsi dwar jekk il-Gvern huwiex qed jipprepara għall-eventwalita’ li l-HSBC jitlaq minn Malta, il-Ministru Edward Scicluna qal li għad hemm ħafna ‘imma’ u ‘jekk’. Stqarr li jekk bank ikun irid ibiegħ l-assi, jkun irid permess mingħand il-Bank Ċentrali Ewropew.
//= $special ?>