Ambjent Lokali

Il-Kunsill tan-Naxxar fil-għama dwar il-Proġett tal-Inċineratur

Il-Kunsill Lokali tan-Naxxar jinnota b’dispjaċir li minkejja d-diversi rapporti fil-media, sal-llum, għadu qatt ma ġie kkonsultat dwar il-proġett tal-Inċineratur li jidher li se jsir fil-Magħtab ġewwa l-limiti tan-Naxxar.

Il-Kunsill Lokali wera din il-preokkupazzjoni permezz ta’ mozzjoni li tressqet mis-Sindku AnneMarie Muscat Fenech Adami u ssekondata mill-Kunsilliera Marianne Cuomo, responsabbli mill-qasam Ambjentali waqt laqgħa li nżammet il-ġimgħa li għaddiet liema mozzjoni ġiet approvata mill-Kunsill Lokali.

Fi stqarrija intqal illi l-unika informazzjoni li s’issa għandu f’idejħ il-Kunsill Lokali hi permezz ta’ rapporti li dehru fil-media lokali. Skont dawn ir-rapporti jidher li l-inċineratur propost ser jieħu medda ta’ art sostanzjali, ser ikollu għoli ta’ 70 metru u ser jikkonsma 40% tal-iskart kollu li jiġġenera l-pajjiż.

Sallum, il-Gvern għażel li jħalli lill-Kunsill Lokali f’għama totali u għalhekk qed jitlob laqgħa urġenti mal-Ministru Josè Herrera sabiex waqt din il-laqgħa jiġu spjegati l-pjanijiet tal-Gvern u jibdew id-diskussjonijiet neċessarji. Għal din il-laqgħa, l-Kunsill qed jitlob li jkunu preżenti wkoll l-esperti tal-Gvern kif ukoll jiġu ppreżentati l-istudji u d-dokumenti kollha relatati ma’ dan il-proġett inkluż it-Traffic Impact Assessment u l-Environment Impact Assessment.

Hekk kif il-Kunsill Lokali jikseb l-informazzjoni neċessarja, qed iwiegħed li ser jorganizza laqgħa mar-residenti Naxxarin kollha li għaliha fost l-oħrajn ikun mistieden il-Ministru kkonċernat flimkien mal-esperti tiegħu.

Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li fil-lokalità tan-Naxxar ġa għandna l-ġerħa tal-miżbla tal-Magħtab, sit li jidher minn ħafna partijiet ta’ Malta.

Il-Kunsill Lokali tan-Naxxar fl-istqarrija fakkar li hu demokratikament l-ogħla awtorità lokali u allura jesiġi trattament xieraq u rispettabbli mill-Gvern Ċentrali.

Il-Kunsill Lokali tan-Naxxar se jkun fuq quddiem nett sabiex jiddefendi l-interessi tal-komunità Naxxarija u jara li kull żvilupp li jsir fil-lokal ma jkunx ta’ detriment għar-residenti jew għal-lokalità.