Ekonomija Kummerċ Lokali

Investigat ukoll id-Direttur mhux eżekuttiv ta’ Pilatus Mustafa Cetinel

Rapport investigattiv mill-ġurnal awtorevoli Financial Times

Il-ġurnal Financial Times illum żvela illi apparti Ali Sadr, anke d-direttur mhux eżekuttiv tal-bank Pilatus ġie investigat mill-awtoritajiet Amerikani wara l-każ ta’ ħasil ta’ flus u l-ksur ta’ sanzjonijiet imposti mill-Istati Uniti.

Id-direttur ġie identifikat mill-Financial Times bħala Mustafa Cetinel. Għalkemm ġie investigat, qatt ma tressqu akkużi formali fil-konfront tiegħu.

Il-gazzetta tikkonferma li fil-bank Pilatus hemm depożitati assi li jlaħħqu mat-300 miljun ewro.

Dwar dan il-każ jaħraq ta’ Pilatus u l-akkużi serji li qed jiffaċja Ali Sadr, l-FT bagħtu sensiela ta’ domandi kemm lil KPMG f’pajjiżna kif ukoll lil Pilatus. L-awdituri u l-bank it-tnejn li huma inħbew, u ma tawx kummenti lill-gazzetta.

FT tfakkar kif ix-xahar li għadda ġie żvelat illi l-Prim Ministru Joseph Muscat kien attenda għat-tieġ ta’ Ali Sadr f’Veneżja.

Is-sena li għaddiet, Pilatus kien fetaħ uffiċċju f’Mayfair fil-kapitali Ingliża Londra. Iżda sa issa l-bank ma jistax jiftaħ kontijiet għall-klijenti f’Londra.

Stqarrija minn KPMG

Fi stqarrija minn KPMG din il-kumpanija sostniet li fil-konfront ta’ Pilatus Bank aġixxiet bl-aktar mod professjonali u etiku. Sostniet li l-liġi Maltija ma tħallihiex tikkummenta aktar minħabba kunfidenzjalità tal-klijent.