Lokali Mużika

L-orkestra nazzjonali tiċċelebra l-50 anniversarju b’kunċert is-Sibt

L-orkestra qed tippreżenta mas-70 kunċert kull sena

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se tiċċelebra 50 sena mit-twaqqif tagħha b’kunċert is-Sibt 7 April, fejn se tindaqq il-mużika tal-kompożitur Amerikan Leonard Bernstein.

F’dan il-kunċert, se tindaqq selezzjoni estiża ta’ mużika mill-musical famuż West Side Story, li tinkludi xogħlijiet strumentali kif ukoll numri vokali – li jinkludu d-diski popolarissimi America u I Feel Pretty. L-orkestra se ddoqq ukoll xogħol sakru tal-kompożitur – Chichester Psalms – u l-ouverture u suite mill-operetta tiegħu Candide.

Il-kunċert, li se jittella’ f’Dar il-Mediterran fit-8 ta’ filgħaxija, se jkun taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Wayne Marshall, li hu wieħed mill-aktar interpreti rinomati fid-dinja tax-xogħlijiet ta’ Bernstein. L-orkestra se tingħaqad mal-MPO Chorus, il-kor tagħha li twaqqaf sena ilu, u mhux anqas minn 10 solisti, li jinkludu l-kontratenur David Allsopp.

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta twaqqfet bħala l-Manoel Theatre Orchestra f’April tal-1968, bil-mużiċisti li kienu għamlu parti mill-“banda tal-ammirall” tal-Flotta tal-Mediterran tar-Renju Unit, sa ma din il-flotta ġiet mitmuma ftit xhur qabel. Id-direttur tal-banda tal-ammirall, Joseph Sammut, baqa jidderiġi l-orkestra sa ma rtira fl-1992, u minn dak iż-żmien, l-orkestra kienet ukoll taħt id-direzzjoni ta’ Michael Laus, Brian Schembri, John Galea u l-mibki Joseph Vella.

Saret orchestra indipendenti f’Settembru tal-1997, u bl-isem Orkestra Nazzjonali ta’ Malta. Però baqgħet orkestra tal-kamra sal-2008, meta saret orkestra ta’ daqs sinfoniku u assumiet l-isem preżenti tagħha.

Fil-preżent, l-orkestra tagħti xi 70 kunċert fis-sena, li jinkludu kunċerti sinfoniċi, produzzjoniet ta’ opri kif ukoll kunċerti b’mużika popolari. Iddoqq regolarment barra minn xtutna: f’Mejju li ġej, se jkollha tour li se jeħodha fil-Ġermanja u fl-Awstrija.

Ix-xahar li għadda, l-orkestra rebħet żewġ premji – għall-aqwa produzzjoni tas-sena u għall-aqwa xogħol għat-tfal u żgħażagħ – fl-ewwel edizzjoni tal-Premju għall-Arti, organizzat mill-Kunsill Malti għall-Arti.

Biljetti għall-kunċert tas-Sibt – li jfakkar ukoll iċ-ċentinarju mit-twelid ta’ Leonard Bernstein – jistgħu jinxtraw minn showshappening.com, kif ukoll mill-box office ta’ Dar il-Mediterran.