L-istunt rider internazzjonali, Rok Bagoros minn Radenci, is-Slovenja, jinsab Malta biex fi tmiem il-ġimgħa li ġejja juri l-ħiliet tiegħu lill-pubbliku motosportiv Malti f’2 attivitajiet b’riżq Puttinu Cares.
NET News iltaqa’ ma’ Bagoros u staqsejnieh minn fejn bdiet din in-namra:
“In-namra lejn il-motosports bdiet minn età tenera meta kont nara bosta filmati fuq YouTube ta’ dan l-isport freestyle. Dejjem ħlomt li nsuq mutur u qattajt bosta sigħat nittawwal lit-tellar tar-raħal fejn kont ngħix jaħdem fuq xogħlu. Familti ma setgħetx taffordja mutur u għalhekk kelli nistenna sa ma għalaqt 16-il sena biex inwettaq il-ħolma tiegħi, dik li nitħarreġ u nsir stunt rider professjonali.”
Huwa qalilna kif kellu jitħabat biex jagħmel isem għalih innifsu, b’differenza għas-sewwieqa tal-MotoGP u MXGP. Fl-ewwel 4 snin beda bi scooter u minn hemm iffirma kuntratt ma’ KTM biex sar stunt rider professjonali.
Staqsejnieh kif għażel li jiġi Malta:
“Ningħata bosta opportunitajiet mill-isponsor tiegħi, KTM, sabiex indur bosta postijiet madwar id-dinja, bħall-Istati Uniti u l-Kolumbja riċentament, sabiex noffri spettakli lin-nies t’hemm. Darba fost l-oħrajn, huma staqsewni jekk nistax inkun t’għajnuna f’attività f’Malta. Peress li smajt bosta kliem tifħir dwar Malta mingħand ħija, li żar il-gżira 10 snin ilu, ma ħsibtiex darbtejn u aċċettajt l-offertà minnufih.”
L-attività li semma Rok se ssir nhar il-Ħadd, bl-isem ta’ Rok on the Rock, u tibda fl-10 ta’ filgħodu ġewwa l-parkeġġ ta’ Ta’ Qali. Huwa tarrfilna fuq fuq x’wieħed jistenna dakinhar:
“Qed inħares’ il quddiem b’ħerqa lejn l-attività tal-Ħadd. Wieħed jista’ jingħaqad f’festin rock and roll kbir tal-mutur u jara bosta manuvri nteressanti, jippruva xi muturi u jammira muturi ġodda ta’ KTM. L-attività se tkun mżewwqa b’mużika, ikel u xorb. ”
Is-sewwieqa tal-muturi Maltin għandhom l-opportunità li jmorru dawra ma’ Rok Bagoros nhar is-Sibt li ġej għall-ħabta tas-1.30 ta’ waranofsinhar mix-showroom tal-KTM f’Ħ’Attard.
//= $special ?>